Wednesday, July 24, 2024

L-INFLAZZJONI … X’QED JIĠR FIS-SUQ TAGĦNA?

Aqra wkoll

F’pajjiżna fl-aħħar ġimgħat komplejna naraw kumpaniji kbar involuti fil-qasam tal-importazzjoni, fid-distribuzzjoni u anke fil-bejgħ ta’ prodotti tal-ikel li matul ix-xhur li esperjenzaw żidiet tajbin f’dawk li huma profitti. Dan iqajjem osservazzjoni. Dik li dan sar fi żmien meta kellna rata ta’ inflazzjoni li kienet għadha għolja. Rata ta’ inflazzjoni li kienet nieżla bil-mod f’pajjiżna, Quddiem dan wieħed ma jistax ma jagħmilx l-osservazzjoni ta’ x’qed jiġri fis-suq tagħna. Kif kellna sitwazzjoni ta’ inflazzjoni għolja u kumpaniji li jesperjenzaw żidiet fil-qliegħ u l-profitti, sitwazzjoni li seħħet ukoll barra pajjiżna ukoll fejn kumpaniji multinazzjonali raw żidiet sostanzjali fil-profitti fl-eqqel tal-kriżi tal-inflazzjoni.

Il-prezzijiet kienu bdew jogħlew b’mod qawwi bil-gwerra fl-Ukrajna li faqqgħet sentejn u xahrejn ilu, eżattament fi Frar tas-sena 2022. Il-gwerra wasslet biex il-prezzijiet ta’ għadd ta’ materja prima togħla b’mod sostanzjali. Ġara iżda li l-inflazzjoni ħolqot mewġa ta’ żieda fil-prezzijiet li wara, anke minn studji u riċerki li saru instabu li ż-żieda fil-prezzijiet ta’ għadd kbir ta’ prodotti fosthom prodotti tal-ikel ma seħħewx minħabba l-gwerra imma kienu qegħdin jogħlew minn korporazzjonijiet kbar madwar id-dinja u dan bil-mira ewlenija tkun li jżidu b’mod qawwi l-profitti. Filfatt korporazzjonijiet kbar tal-ikel żiedu bil-kbir il-profitti tagħhom.
Illum qegħdin f’sitwazzjoni fejn il-livelli għoljin ta’ inflazzjoni ikkalmaw.

Minkejja, il-prezzijiet fuq l-ixkafef tas-supermarkets u l-ħwienet tagħna mhux qegħdin narawhom jonqsu għalkemm issa bdiet dieħla ukoll ċertu kompetizzjoni fuq xi prodotti, il-mistoqsijiet tal-pubbliku u anke ta’ xi negozji, huma ġustifikati dwar meta l-prezzijiet se jibdew jinżlu. Dan jgħodd l-aktar mhux għas-supermarkets biss imma għall-ħwienet iż-żgħar, dawk il-ħwienet li mingħandhom jixtru l-persuni vulnerabbli. Jixtru dawk l-aktar li qegħdin fil-qiegħ tas-soċjetà tagħna. Tal-ħwienet iż-żgħar f’pajjiżna qegħdin f’sitwazzjoni li hi litteralment morsa u ftit li xejn jistgħu jagħmlu f’dawk li huma prezzijiet, għax jiddependu mid-distributuri l-kbar. Tista’ tgħid li hu diffiċli li dawn jimpurtaw direttament huma prodotti li jġibu kumpaniji kbar, għax jekk jagħmlu hekk, ikollhom jiffaċċjaw konsegwenzi.

Wieħed irid jgħid li r-rankatura li kien hemm fiż-żieda fil-prezzijiet f’pajjiżna naqset sew u magħha naqset il-problema li kienu qegħdin jiffaċċjaw konsumaturi li jmorru jixtru u jsibu prezz mod fuq l-ixkaffa u prezz għola fuq l-irċevuta fiskali, bil-risposta li jingħataw meta jilmentaw kienet tkun li l-prezzijiet fuq l-ixkaffa għadhom ma ġewx aġġustati.

Barra pajjiżna ftit xhur ilu bdiet mewġa ta’ traħħis ta’ prezzijiet f’supermarkets kbar. Rajna tiġri f’ħafna pajjiżi, b’supermarkets inaqqsu l-prezzijiet b’mod qawwi. Il-mistoqsija li nagħmlu f’pajjiżna hi dik ta’ għaliex sa issa mhux tinħass din il-mewġa li għaddejja barra pajjiżna, għallinqas żgur mhux bl-intensità li kienet għaddejja barra pajjiżna. Kellna ċaqlieqa ta’ ħwienet kbar jikkompetu min qed iraħħas l-aktar, li mbagħad malajr donna ikkalmat.

Iċ-ċirkostanzi li hemm għal supermarkets u negozji barranin li jistgħu jnaqqsu l-prezzijiet għall-konsumaturi, mhux qegħdin hemm ukoll għal negozji f’Malta? La spejjeż fit-trasport, fil-garr tal-merkanzija qegħdin jonqsu u għalhekk qed tonqos l-ispiża fuq negozji Maltin li jimpurtaw, meta se naraw li dan jiġi rifless fil-prezzijiet?. Nemmnu li għalhekk hemm bżonn investigazzjoni sħiħa ta’ x’qed jiġri fis-sistema tad-distribuzzjoni ta’ pajjiżna. Hu importanti li jekk verament irridu ngħinu lil min hu batut, irridu naraw li anke tal-ħwienet iż-żgħar jitħallew joperaw u jaħdmu f’ambjent kompetittiv.

Ekonomija

Sport