Thursday, April 25, 2024

L-INFLAZZJONI

Aqra wkoll

Il-mexxejja Ewropej kienu qalu li l-inflazzjoni preżenti ser tisparixxi f’sitt xhur. Tant kienu ċerti li ma ddejqux bis-sanzjonijiet li kienu diġà imponew iżda żieduhom. Dawn is-sanzjonijiet ma kienux waqgħu mis-sema imma kienu ppjanati minn Biden li għaddew għand in-NATO u wara ddaħħlu fl-UE mill-Istati tal-UE li huma membri tan-NATO. Dawn is-sanzjonijiet imponuti fuq ir-Russja kienu fil-qasam finanzjarju u għalkemm diġà beda jkollhom effett mhux fuq ir-Russja biss imma anki fuq l-Istati Membri tal-UE stess. L-akbar effett kien fuq l-investimenti u għalkemm l-effett fuq l-inflazzjoni kien diġà beda jidher, ma kienx wieħed qawwi.

L-effett fuq il-prezzijiet tal-ikel kien ġenerat bil-qawwi mill-istampa internazzjonali li kważi bdew ipingu stampa li d-dinja ser tispiċċa mingħajr ikel. Dan minħabba li min-naħa, l-esportazzjoni tal-Ukranja kienet iġġamjat filwaqt li kien hemm pressjoni biex il-prodotti fil-qasam tal-ikel mir-Russja ma jiġux importati. Dan mal-ewwel kellu effett qawwi għaliex f’daqqa waħda għal żmien ċerti prodotti kienu qieshom sparixxew. Kien jidher l-aktar fuq l-ixkaffi tas-supermarkets fejn ċerti prodotti bħall-għaġin u ż-żejt għal żmien kienu qed jinħatfu mill-konsumaturi peress li ħasbu li ser jisparixxu għal dejjem. Din ma kinitx xi ħaġa ġdida għax dan l-effett tal-media fuq il-konsumaturi konna diġà rajnieh fil-bidu tal-pandemija fejn kienet xterrdet il-kelma li t-toilet paper kien ser jisparixxi u kien hemm ġenn minn kulħadd biex jixtri kull roll toilet paper li jara.

Imma ftit wara l-affarijiet inbidlu għaliex il-pressjoni bdiet ġejja mill-President Ukren. Jekk mhu tajjeb għal xejn, tajjeb biex jibbulja pajjiżi oħra. Dan rajnih meta kien indirizza l-Parlament Malti. Meta dan ħareġ bl-idea li l-Ewropa għandha twaqqaf l-importazzjoni taż-żejt mir-Russja, kull pajjiż fl-UE kellu japprova dawn is-sanzjonijiet. Mhux talli hekk talli kellhom jimponu din is-sanzjoni imma talli wkoll intrabtu li jridu jagħmlu dan fi żmien sena. Biex tkompli tgħaxxaqha l-Ewropa, wara pressjoni oħra, daħħlet sanzjonijiet fuq l-importazzjoni tal-gas, prodott li kien il-bażi ta’ ħafna pajjiżi fosthom il-kbar bħal Ġermanja.

L-effett ta’ dawn iż-żewġ miżuri kellhom effett dinji. L-ewwel daqqa bdew jieħduha l-Ewropej stess. Ir-raġuni kienet li meta r-Russja tfaċċat b’dawn il-miżuri ma qagħditx b’idejha fuq żaqqha għaliex f’daqqa bdiet tnaqqas l-aktar il-gas lill-Ewropa kollha partikolarment fuq ċerti pajjiżi. Per eżempju, il-Bulgarija spiċċat mingħajr gas. Mhux kulħadd mexa bħal mogħoż għax l-Ungerija għamlet ta’ rasa u sort baqgħet timporta l-gas mir-Russja.

L-effett ta’ dawn is-sanzjonijiet tal-UE kellhom effett qawwi – effett li mhux ser jintemm fi ftit żmien. L-akbar effett kien fuq il-prezzijiet taż-żejt u tal-gas. Peress li l-Ewropa ntrabtet li ma tibqax timporta dawn iż-żewġ prodotti, il-pajjiżi l-oħra li kienu jipprovdu wkoll dawn il-prodotti f’daqqa waħda sabu x-xoqqa f’moxtha u f’daqqa waħda għollew il-prezzijiet. Ir-raġuni kienet sempliċi. Kienu jafu li l-pajjiżi Ewropej ser ikollhom jixtru kwantitajiet kbar ta’ dawn il-prodotti, iridu u ma jridux, bi prezzijiet għoljin. L-Ewropa nqliet f’żejtha.

L-effett hu wieħed globali. Ir-raġuni hi li ħadd ma jista’ jipproduċi xejn mingħajr enerġija. L-ammont tal-enerġija ħadra żdied mad-dinja kollha, iżda xorta għadu baxx. Biex inaqqsu l-effett, ħafna mill-pajjiżi Ewropej bdew iħarsu lejn prodotti oħra li kienu fil-black list tal-Ewropa. Dan għaliex filwaqt li hemm pajjiżi li qed iħarsu sew lejn il-faħam, oħrajn, bħal Franza mal-ewwel iddeċidiet li tibdel il-policy tagħha u terġa’ tmur għall-enerġija nukleari.

Meta ktibt li l-effett kien wieħed globali jfisser li l-effett tal-sanzjonijiet li għamlet l-UE illum l-aktar li qed jaffettwa hu lill-istess UE. Dan mhux biss qed narawh mill-prezzijiet tal-enerġija iżda fuq kull prodott. Ir-raġuni hi bħal ma semmejt – xejn ma jsir mingħajr użu tal-enerġija. L-effett ser jinħass aktar fl-Ewropa fi ftit xhur oħra meta tasal ix-xitwa.

Dan ifisser li l-familji fl-UE ser jintlaqtu ħażin minn żewġ naħat bis-sanzjonijiet li imponiet l-UE stess. Min-naħa ser ikollhom jiffaċċjaw prezzijiet aktar għolja fil-prodotti l-aktar dawk tal-ikel u min-naħa l-oħra biex isaħħnu jew ikessħu djarhom. Semmejt li jkessħu għaliex fil-pajjiżi tal-Mediterran bħal Malta naħlu aktar enerġija biex inkessħu d-djar tagħna fis-sajf milli biex insaħħnu d-djar tagħna fix-xitwa.

Min-naħa tagħna s’issa effett minnhom mhux qed inħossuh. Dan hu l-prezz tal-enerġija li fid-dinja speċjalment fl-Ewropa għaliex s’issa l-Gvern qed jissussidja l-prezz sew tal-elettriku u sew tal-fjuwil. Kemm ser indumu hekk ma nafux għaliex ħadd ma jaf kemm il-prezzijiet tal-enerġija fil-futur ser jogħlew. Ma jfissirx li ma nistgħux nieħdu passi. Pass importanti hu li nippreparaw id-djar tagħna biex ikunu aktar ‘insulated’ – xi ħaġa li la l-Periti u lanqas l-Awtoritajiet għadhom ma ħadu l-ebda pass biex għallanqas id-djar il-ġodda li qed jinbnew ikunu aktar effiċjenti.

Fuq din tal-enerġija hemm fake news. Il-fake news hi li natribbwixxu s-sitwazzjoni preżenti fuq il-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja. Is-sitwazzjoni ma ħarġitx mill-gwerra imma mis-sanzjonijiet tal-UE. Li kieku l-UE ma ħaditx dawn is-sanzjonijiet li kieku l-krizi mhix daqshekk qawwija.

Il-problema tagħna hi li għalkemm ngħidu li aħna indipendenti, illum ikollna nagħmlu dak li tgħidilna l-UE – irridu jew ma rridux. Dan grazzi għal Fenech Adami li biddel l-indipendenza li ġab Borg Olivier f’integration li biha tlifna mhux biss l-indipendenza iżda anki l-ħelsien.

Il-problema tal-inflazzjoni ser tibqa’ magħna għal snin sħaħ minkejja dak li jgħidu. Dan għaliex ftit huma n-nies li jemmnu fil-paċi. Illum il-Punent speċjalment l-UE dominanza trid. Kif tispiċċa l-gwerra tal-Ukrajna nlestu ruħna għall-oħra – dik kontra ċ-Ċina. Dan narawh għaliex sew in-NATO u sew l-UE diġa’ ddikjaraw liċ-Ċina bħala għadu.

Sport