Friday, June 13, 2025

L-INFURZAR

Aqra wkoll

Maż-żmien, aktar tidher ċara xinhi problema essenzjali fil-governanza ta’ Malta. Mhijiex li m’għandniex liġijiet tajba jew adekwati. Hu minnu li jistgħu jittejbu jew jiġu aġġornati imma kif għaddew mill-Parlament Malti jipposjedu dak li hu meħtieġ biex jipprovdu l-gwida legali. 

Hu fl-infurzar tal-liġijiet li l-affarijiet ta’ spiss jogħtru. Fl-oqsma tal-ambjent, tat-traffiku u tat-tmexxija tat-toroq, fil-bini, fil-kontrolli fuq l-użu tad-droga, fit-trattament tal-konsumaturi… It-tort hu tal-awtoritajiet publiċi li ma jurux il-ħeġġa u r-rettezza meħtieġa biex dak li għandu jitħares, fil-fatt jitħares. Imma mhux huma biss responsabbli. Hemm iċ-ċittadini nfushom li jippretendu li ħaddieħor jiġi mrażżan, imma huma le…

U hemm ukoll il-professjonisti li uħud minnhom jispeċjaliżżaw f’kif isibu l-ixquq fil-liġijiet ħalli wieħed ikun jista’ jdur madwarhom… U hemm l-iżviluppaturi, il-kaċċaturi u n-nassaba, is-sidien ta’ ħwienet… fost oħrajn… 

Forsi dwar hekk, in-nazzjon kollu jrid jistqarr il-mea culpa.

STUDENTI INTERNAZZJONALI

Għal wieħed bħali li għamel żmien fl-Istati Uniti bħala student f’universitajiet Amerikani, dak li qed jiġri hemm bħalissa bilfors jinħass tassew stramb. L-amministrazzjoni Trump tidher li qed tagħmel minn kollox biex tbiegħed mix-xtut Amerikani liż-żgħażagħ barranin li jixtiequ jistudjaw hemm. Il-maġġoranza kbira minnhom qed iħallsu eluf ta’ dollari għal dal-privileġġ. 

Fi “żmieni”, tant kien hemm – jew jien sibt – merħba għall-istudenti barranin li fil-każ tiegħi pereżempju, meta spiċċawli l-fondi personali biex inkompli bl-istudji, sabuli kif nista’ nkompli nistudja. Il-ħsieb dejjem kien li l-parteċipazzjoni fl-istudji Amerikani ta’ barranin kien ta’ benefiċċju għall-istess nazzjon Amerikan.

L-amministrazzjoni preżenti ma taqbilx ma’ dan. Issostni li parti kbira mill-istudenti barranin huma Ċiniżi u ma tridx twieżen b’hekk lill-gvern Ċiniż. Naturalment, l-Ewropej qed jaraw kif jattiraw lejn l-universitajiet tagħhom lill-istudenti li l-Amerika qed tħabrek biex tkeċċi!

JEKK MHUWIEX IMKISSER

Li wieħed jistinka biex jiddaħħlu r-riformi bilfors titqies bħala ħidma tal-aqwa siwi. Biss dil-ħidma ma tridx titħalla tiddeġenera f’waħda li tfittex tibdel sempliċement biex tkun bidlet. Ġieli wkoll f’pajjiżna u barra minnu, naraw din it-tentazzjoni titqanqal. Mhux dak kollu li għamlu ta’ qabilna, independentement minn liema partit jappartjenu għalih, hu hażin u jeħtieġ jinbidel, mhux l-anqas fit-tmexxija finanzjarja.

F’hekk, tibqa’ memorabbli x’kien qal darba Bert Lance, li kien imexxi l-Uffiċċju tal-Management u l-Budget fl-amministrazzjoni tal-President Amerikan Jimmy Carter: Jekk mhuwiex imkisser, tippruvax issewwih. Hu parir li ta’ min jixtarru sew. 

Iċ-ċiviltà umana, fi skala kbira jew żgħira, tinbena saff wara l-ieħor, fuq il-kisbiet li s-soċjetà tkun wettqet. Fejn qed isir tajjeb, tibni fuqu, mhux twaqqaf, tibdel u terġa’ tibda mill-ġdid.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport