Wednesday, December 25, 2024

L-INFURZAR KIEN EFFETTIV

Aqra wkoll

Issa li għaddew il-festi tal-Milied u l-ewwel tas-Sena, wieħedma jistax ma jinnotax b’sodisfazzjon il-ħidma tal-awtoritajiet responsabbli mill-infurzar li assiguraw sigurtà massima fit-toroq tagħna b’mod partikolari fil-ħinijiet ta’ filgħaxija meta ħafna aktar nies kienu barra biex jiċċelebraw il-festi jew iqattgħu dan iż-żmien mal-familji tagħhom.

Nistqarru li ma kienet xejn faċli għal dawn il-ħaddiema li flok qagħdu d-dar mal-familja bħal ħafna oħrajn, kellhom jidħlu xogħol biex jiżguraw li ma jkunx hemm inċidenti waqt iċ-ċelebrazzjonijiet. Dawn ukoll għandhom il-familji tagħhom li kellhom iħalluhom warajhom f’dawn iż-żminijiet biex wettqu l-ħidma tagħhom b’dedikazzjoni kbira biex tinżamm l-ordni fit-toroq.

Nilqgħu bil-ferħ għalhekk ir-riżultati miksuba f’dan l-istaġun festiv li ntemm mingħajr ebda inċident serju tat-traffiku. Din kienet prova oħra ta’ kemm l-infurzar ħadem u ħadem sew. Dan kien attribwit ukoll għal preżenza qawwija tal-uffiċjali tal-infurzar ta’ Transport Malta u tal-Pulizija kif ukoll is-suċċess tal-kampanji li saru mill-awtorità u li bħala ġurnal aħna sħaqna ħafna fuq l-importanza tagħhom.

Nemmnu li l-approċċ proattiv ta’ dawn il-ħaddiema u l-impenn sod biex jiżguraw il-konformità fir-regolamenti tat-traffiku kienu ta’ kontribut sinjifikanti għal perjodu ta’ festi mingħajr inċidenti. 

Madankollu, fl-ispezzjonijiet li saru matul dawn l-aħħar ġimgħat inħarġu mas-600 kontravenzjoni fejn instabu xi nuqqasijiet li kienu jvarjaw min sewwieqa li nqabdu jsuqu mingħajr liċenzja, użu ta’ mobile phones waqt is-sewqan u sewqan b’veloċità aktar milli tippermetti l-liġi. Inħarġu wkoll numru ta’ kontravenzjonijiet fuq vetturi Y plates li ma kellhomx il-permessi relatati flimkien ma’ verifikazzjonijiet tad-dokumenti ta’ residenza. 

Dan kollu jagħti aktar valur mistħoqq lil dawn l-ispezzjonijiet u l-ħtieġa biex is-sewwieqa jaderixxu mar-regolamenti tat-traffiku. L-appell jibqa’ wieħed u jgħodd għas-sena kollha, dak li jekk se ssuq ma tixrobx. Mhux lanqas is-sewqan bil-galbu u biex ma jintużax apparat elettroniku waqt is-sewqan. B’dan il-mod mhux biss tkun qed titħares is-saħħa u s-sigurtà tas-sewwieq innifsu imma wkoll ta’ ħaddieħor li jkun fit-triq, miexi jew isuq.

Nittamaw għalhekk li dawn l-ispezzjonijiet jitkomplew anke matul il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Għalhekk, nemmnu li jekk kulħadd jagħmel il-parti tiegħu, ikollna toroq aktar siguri u aktar serħan il-moħħ b’inqas inċidenti gravi u serji tat-traffiku.

Ekonomija

Sport