Monday, April 29, 2024

“Dak li emmen fih tul ħajtu, issa ilu sena jgawdih”

... Sena mill-mewt ta’ Silvio Parnis

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’għeluq l-ewwel sena mill-mewt ta’ Silvio Parnis saret quddiesa għal ruħu fil-kappella tal-Kunvent ta’ Santa Katarina fil-Belt Valletta. Din il-kappella u s-sorijiet ta’ dan il-Kunvent kienu għeżież ħafna għal Silvio. Fil-fatt meta kien jaħdem il-Belt bħala Segretarju Parlamentari kien jagħmel mezz li jżurhom kuljum. Meta aktar tard f’ħajtu marad, meta kien jiflaħ, baqa’ jżuruhom ukoll.

Fl-omelija tiegħu waqt il-quddiesa, Patri Michael Camilleri qal li Silvio issa ilu sena jgawdi lil Mulej. Huwa żied jgħid li “dak li emmen fih f’ħajtu, ilu sena jgawdih” filwaqt li fakkar il-memorja ta’ Silvio li qal li kien persuna li jagħmel kollox mal-ħaġra t-tajn, dak il-ħin stess, sabiex ikun ta’ għajnuna għal ħaddieħor. 

Fost dawk li attendew għal din il-quddiesa kien hemm familjari u ħbieb ta’ Silvio Parnis. Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard. 

Għalkemm Silvio m’għadux magħna, il-legat li ħalla warajh huwa wieħed kbir, bil-kummenti tan-nies jixhdu kemm tassew huwa kien, għadu u se jibqa’ maħbub. 

F’Diċembru li għadda, huwa ngħata wkoll Ġieħ ir-Repubblika b’turija ta’ rispett lejn ir-ruħ soċjali li kellu. F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, Dorianne Parnis, il-mara tal-mibki Silvio Parnis, kienet qaltilna li bħala familja se jibqgħu jgħożżu dan l-unur u li kieku Silvio kien għadu ħaj żgur li kien jifraħ bih għax tassew jistħoqqlu hekk. 

F’kitba fuq Facebook, Dorianne qalet li t-3 ta’ Jannar 2023 hi ġurnata sewda għall-familja tagħhom għax tilfu persuna speċjali li kienet kollox għalihom. “Itlob għalina u għall-familja kollha tagħna. Grazzi ta’ dak kollu li għamilt miegħi u ma’ ibnek. Dejjem f’qalbi. Sa ma nerġgħu niltaqgħu ħu ħsiebna min hemm fuq,” kitbet Dorianne. 

Silvio Parnis twieled fl-1965 u kien politiku mal-Partit Laburista. Huwa serva bħala membru parlamentari mill-1998 sal-2022. Bejn l-1994 u l-1998 huwa serva bħala Sindku ta’ Raħal Ġdid u ġie elett fil-Parlament fl-1998, 2003, 2008, 2013 u 2017.

Parnis għamel mill-politika missjoni sabiex jgħin lill-persuni l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Huwa rnexxielu jgħaqqad is-servizz politiku mal-kawża soċjali, b’kuntatt man-nies il-ħin kollu u b’ħidma sabiex itejjeb il-qagħda soċjali tal-komunità, l-aktar f’dak kollu li huwa marbut mal-għajxien tan-nies, l-għajnuna soċjali, l-għożża tal-anzjani u l-akkomodazzjoni fost oħrajn. 

Parnis kien ukoll xandar fuq it-televiżjoni u r-radju għal bosta snin fuq stazzjonijiet differenti. Hawn ukoll għamel ħiltu sabiex jaħdem u joħloq kuxjenza fuq kawżi soċjali fis-soċjetà Maltija. Matul dawn ix-xandiriet kien jagħti opportunità lin-nies isemmgħu leħinhom, iżda fuq kollox kien jagħmel mezz kif iħeġġeġ lin-nies jagħmlu differenza bil-fatti fil-ħajja ta’ min għandu bżonn. 

Wara l-elezzjonijiet tal-2017, Parnis kien inħatar bħala Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet u wara bħala Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità. Huwa baqa’ sal-aħħar ta’ ħajtu jgħin lil min hu fil-bżonn sakemm ħalla din id-dinja nhar it-3 ta’ Jannar 2023.

Sport