Tuesday, December 24, 2024

L-INIZJATTIVA TAL-KARD EWROPEA TAL-ISTUDENTI

Il-Kummissarju Ewropew għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ, Mariya Gabriel

Aqra wkoll

Għandna viżjoni għas-settur tal-edukazzjoni għolja tal-UE. Din il-viżjoni tista’ ssir realtà biss jekk kemm l-istudenti kif ukoll il-persunal tat-tagħlim ikunu jistgħu jiċċaqilqu mingħajr xkiel minn università għal oħra, minn Stat Membru għal ieħor, biex jiksbu l-aqwa esperjenza possibbli ta’ apprendiment u ta’ tagħlim. Dan għaliex xejn ma huwa iktar stimulanti milli wieħed ikun espost għal ideat, ambjent akkademiku, u approċċi diversi. 

Tabilħaqq, ħafna diġà jieħdu vantaġġ mill-offerti ta’ mobbiltà, iżda jkollhom iħabbtu wiċċhom mal-burokrazija, pereżempju b’rabta mal-korsijiet approvati, jew ir-rikonoxximent tal-krediti. Din tista’ tnaffarhom u lanqas biss jitħajru japplikaw. 

Ridna nimmodernizzaw u nissimplifikaw il-proċess. Għalhekk, fl-okkażjoni tal-35 anniversarju tal-programm Erasmus+, ħadna pass lura u staqsejna lilna nfusna: 

X’jiġri jekk ikun hemm mod sempliċi li jippermetti r-rikonoxximent tal-identità u tal-istatus ta’ student, li kieku jagħti aċċess dirett għas-servizzi tal-istudenti madwar l-UE? U dan kif jista’ jintrabat mal-iskambju diġitali sigur tal-informazzjoni dwar l-istudenti bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jieħdu sehem fil-programm Erasmus+? Kif nistgħu nagħmlu l-esperjenza tal-Erasmus+ iktar pjaċevoli għal dawk kollha li jixtiequ jsiefru biex jistudjaw, jagħmlu traineeships jew apprendistati, jew jipparteċipaw fi skambji tal-persunal fl-oqsma kollha tal-edukazzjoni, tat-taħriġ, taż-żgħażagħ u tal-isport?

Dan huwa l-mod kif twieldet l-inizjattiva tal-Kard Ewropea tal-Istudenti. Permezz tagħha, qed niddiġitalizzaw dak kollu li huwa marbut mal-organizzazzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti fil-qafas ta’ Erasmus+, mill-għoti tal-informazzjoni u l-proċessi tal-applikazzjoni sar-rikonoxximent tal-krediti, mill-iskambji tad-data dwar l-istudenti sal-firma diġitali tad-dokumenti. 

Dan kollu jinstema’ bħal bidla kbira, u tassew huwa bidla kbira. 

Sabiex il-viżjoni ambizzjuża tagħna ssir realtà, qed inwettqu interkonnessjoni mill-qrib ta’ erba’ azzjonijiet, u kull waħda minnhom tindirizza ħtieġa speċifika waħda:

Tabilħaqq hemm il-Kard Ewropea tal-Istudenti stess, li ssemmiet għaliha din l-inizjattiva. Ħloqna għodda li tista’ tiggarantixxi l-iskambju sigur tal-informazzjoni dwar l-istudenti u li tippermetti lill-istudenti jiċċaqilqu mingħajr xkiel minn istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja għall-oħra. Iżda l-kard tista’ tagħmel ferm iktar, pereżempju lill-istudenti tagħtihom aċċess għal korsijiet u għal servizzi online pprovduti f’istituzzjonijiet oħra tal-edukazzjoni għolja li mhumiex dawk li normalment jistudjaw fihom. Dan is-suppliment għall-kards tal-istudenti nazzjonali eżistenti huwa bidu promettenti: s’issa, 2.6 miljun student biddlu l-kards tagħhom f’Kards Ewropej tal-Istudenti. U sal-2025, l-istudenti kollha fl-Ewropa għandhom ikunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji tagħha, li jistgħu jipprovdu wkoll aċċess għal-libreriji, għat-trasport u għall-akkomodazzjoni jew skontijiet fuq attivitajiet kulturali madwar l-UE. 

Sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jawtentikaw l-istatus tagħhom meta jiġu biex jaqsmu l-fruntieri u meta jiġu biex jiċċaqilqu minn istituzzjoni għall-oħra, kien meħtieġ identifikatur diġitali tal-istudenti sigur u affidabbli: il-Kummissjoni intervjeniet bl-eID Ewropea tal-Istudenti, li qed tipprovdi awtentikazzjoni lokali u aċċess globali għas-servizzi.

L-app tal-Erasmus+ qed tikkomplementa l-kard u l-eID, u permezz tagħha l-istudenti jistgħu jaċċessaw faċilment l-informazzjoni utli li jkunu jeħtieġu qabel, matul u wara l-mobbiltà tagħhom. L-app hija wkoll spazju għal-laqgħat online fejn l-istudenti jistgħu jikkonnettjaw u jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom. Nedejna l-għodda fil-verżjoni l-ġdida fl-2021, u s’issa niżżluha iktar minn 160,000 student. 

Jien u nitkellem mal-istudenti madwar l-UE u nagħtihom widen, kelli l-pjaċir nisma’ x’impatt pożittiv kellhom dawn il-passi fuq l-esperjenza tagħhom tal-Erasmus+. 

Luke Bonello mill-Università ta’ Malta, li matul il-ħarifa tal-2021 ipparteċipa fl-istudji Erasmus f’Firenze, l-Italja, qasam il-fehma tiegħu miegħi:

“Bħala voluntier mal-ESN Malta, ili snin sħaħ ngħin lill-istudenti jippjanaw l-esperjenzi ta’ mobbiltà tagħhom, anke qabel ma jaslu f’pajjiżna. L-Erasmus huwa l-aqwa esperjenza possibbli li jista’ jkollu żagħżugħ, iżda huwa tassew importanti li jitnaqqas ix-xkiel amministrattiv u li jiġu eliminati l-ostakli burokratiċi biex tibqa’ tiżdied il-parteċipazzjoni fl-esperjenzi ta’ mobbiltà tal-Erasmus. Matul l-aħħar semestru tal-Erasmus tiegħi, l-esperjenza preċedenti tiegħi mal-ESN tatni l-opportunità nirrifletti dwar kif proċess diġitali u ssimplifikat li jimmaniġġja l-istadji kollha tal-esperjenza ta’ mobbiltà jista’ jgħin biex jikkonvinċi lil ħafna minn sħabi minn pajjiżi li jibqgħu jaħsbu li diffiċli tagħmel esperjenza tal-Erasmus. L-app tal-Erasmus+ għandha tagħmel differenza kbira, billi issa hija l-punt uniku ta’ kuntatt mnejn tiġbor l-informazzjoni amministrattiva rilevanti kollha, u toffri modi utli oħra kif wieħed jgħin lill-istudenti tal-Erasmus fl-istadji kollha tal-mobbiltà.”

Barra minn hekk, konna qed infittxu wkoll modi kif inżidu l-effiċjenza tal-proċessi amministrattivi. B’hekk, inkludejna n-network Erasmus Mingħajr Karti fl-inizjattiva. Bħalissa, iktar minn 3,000 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja madwar l-UE jiskambjaw id-data online permezz ta’ dan in-network, jiffirmaw ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ universitajiet oħra u jikkonkludu ftehimiet ta’ apprendiment mal-istudenti li jkunu sejrin għal esperjenza ta’ mobbiltà. U sal-2023, irridu li l-universitajiet kollha fl-UE jkunu konnessi.

Il-ġestjoni moderna u effiċjenti tal-mobbiltà hija eqreb minn qatt qabel. U din mhux biss se twassal għal simplifikazzjoni kbira għal dawk kollha involuti. Se ttejjeb ukoll il-kwalità tal-edukazzjoni fl-UE u se toħloq il-kundizzjonijiet biex tingħata spinta sinifikanti lill-mobbiltà tal-istudenti skont l-objettivi taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. 

Ekonomija

Sport