Monday, October 14, 2024

L-inkjesta b’rabta mal-iskola San Andrea ssib nuqqas mill-ogħla persuni fil-management

Irrakkomandat ukoll li d-donazzjonijiet il-kbar għandhom ikunu rreġistrati b’mod korrett u preċiż

Aqra wkoll

Il-każ tal-Iskola San Andrea ġibed ħafna attenzjoni fejn kien hemm allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet finanzjarji minn eks chairpersons tal-iskola. Fl-aħħar ħin tħabbar li l-inkjesta ġudizzjarja indipendenti dwar l-irregolaritajiet f’San Andrea kkonkludiet li l-allegazzjonijiet ma kinux issostanzjati. Imma, mill-istess inkjesta ħareġ li kien hemm nuqqas mill-ogħla persuni fil-management tal-Iskola fejn irriżulta li ma ħadux azzjonijiet dixxiplinarji f’għadd ta’ sitwazzjonijiet.

Fir-rapport ta’ 73 paġna tal-Imħallef irtirat David Scicluna li ġie kkummissjonat mill-bord tal-Iskola stess, ingħad ukoll li hemm attitudni arroganti u bbuljar tant li saħaq li San Andrea ma tistax titmexxa b’dan il-mod. 

Ir-rapport ġie konkluż wara li nstemgħu 65 xiehda u investigati għadd ta’ dokumenti fejn saru 30 rakkomandazzjoni biex ikun hemm aktar akkontabbiltà u governanza aħjar fl-imsemmija skola. Fost ir-rakkomandazzjonijiet hemm biex it-tmexxija, il-proċeduri u l-politika tal-iskola jkunu fis-seħħ u rrispettati, ikun hemm protezzjoni kontra l-ibbuljar, għall-whistle blowers, protezzjoni tat-tfal, l-użu tal-midja soċjali u biex ikun hemm aktar komunikazzjoni. 

L-inkjesta rrakkomandat ukoll li d-donazzjonijiet il-kbar għandhom ikunu rreġistrati b’mod korrett u preċiż, jinħarġu l-irċevuti u d-donaturi jkunu infurmati dwar kif intużaw il-flus. 

Fid-dawl ta’ dan kollu matul il-ġimgħa li għaddiet l-iskola ħabbret li Stefania Bartolo rreżenjat minn Kap tal-Iskola wara li aktar qabel hija kienet issospendiet lilha nnfisha. Il-Malta Union of Teachers (MUT) fi stqarrija li kienet ħarġet qalet li kienet qiegħda ssegwi l-iżviluppi kollha fir-rigward.

Sport