Tuesday, April 30, 2024

“Il-Kunsilli Lokali għandhom ikomplu jaġġornaw lilhom infushom”

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kunsilli Lokali għandhom ikomplu jaġġornaw lilhom infushom u jagħmlu l-ħajja tar-residenti tagħhom aktar komda, aktar u aktar meta r-rata ta’ nies jaħdmu f’pajjiżna hija waħda għolja. 

Qalet dan is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli f’intervista ma’ dan is-sit dwar il-viżjoni strateġika tal-Gvern Lokali għas-seba’ snin li ġejjin, li tnediet ftit tal-ġimgħat ilu. 

Din il-viżjoni hija msejsa fuq ħames pilastri ewlenin, li ġew identifikati u stabbiliti wara sensiela ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali kollha, flimkien ma’ dawk li għandhom għal qalbhom il-Gvern Lokali. 

Il-ħames pilastri prinċipali huma: Governanza tajba u effettiva, riżorsa Reġjonali għall-Kunsilli Lokali, lokalitajiet b’ambjent aktar nadif, Kunsilli Lokali viċin in-nies u Prijorità diġitali fil-Gvern Lokali.

Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli qalet li mil-laqgħat ta’ konsultazzjoni ħareġ biċ-ċar l-importanza li l-Kunsilli Lokali u Reġjonali jkunu dejjem iktar trasparenti u responsabbli għad-deċiżjonijiet li jieħdu f’isem ir-residenti tal-lokalitajiet tagħhom. 

Il-viżjoni strateġika turi li l-Kunsilli Lokali u Reġjonali għandhom jimmiraw biex jilħqu livell ogħla ta’ governanza tajba u effettiva. Dan jista’ jsir permezz ta’ diversi miżuri li jsaħħu l-istrutturi interni tal-Kunsilli Lokali u Reġjonali. Miżuri oħra jinkludu taħriġ ħolistiku li mistenni jingħata biex titjieb il-governanza tal-membri eletti u membri amministrattivi tal-Kunsilli Lokali. Minbarra hekk, huwa essenzjali li jinħolqu linji gwida dettaljati u jingħata appoġġ professjonali lill-Kunsilli Lokali u Reġjonali biex tissaħħaħ il-kontabilità.

Mistoqsija dwar il-Kunsilli Reġjonali hija qalet li dawn inħolqu sabiex jgħinu u jassistu lill-Kunsilli Lokali u mhux biex jieħdu post l-istess Kunsilli jew l-irwol tagħhom. “Aħna qed naraw il-Kunsilli Reġjonali bħala għodda addizzjonali għall-Kunsilli,” qalet Zerafa Civelli.

Sadanittant, hija qalet ukoll li fit-tfassil ta’ din il-viżjoni strateġika għall-Gvern Lokali kienu bosta dawk l-għaqdiet jew entitajiet li avviċinawhom sabiex iwasslu leħinhom huma wkoll. “Dawn kienu għaqdiet li jaħdmu id f’id mal-Kunsilli u jixtiequ jaraw il-Kunsilli Lokali jkomplu jevolvu u jimxu ‘l quddiem.”

Mistoqsija dwar il-mekkaniżmu li jiżgura rappreżentanza ugwali tal-ġeneri fil-qasam tal-Gvern Lokali, is-Segretarju Parlamentari qalet li se jkun qed jinbeda studju dwar jekk dan il-mekkaniżmu jistax jitħaddem u jekk iva, kif se jkun qed isir. 

“Se nkunu qegħdin naraw matul din is-sena jekk il-mekkaniżmu għandux jitħaddem anke fuq bażi lokali. Qiegħed jiġi ffurmat bħalissa forum sabiex dan ikun qed jiltaqa’, jisma’ u jipproponi,” qalet Zerafa Civelli.

Dwar id-diġitalizzazzjoni fil-Gvern Lokali, hija qalet li “qegħdin nipprovaw nagħmlu l-ħajja tar-residenti, tal-ħaddiema tagħna b’mod aktar faċli. Jekk jixtiequ jfittxu xi informazzjoni jistgħu jsibuha faċilment.”

“In-nies ikunu fil-kumdità ta’ djarhom jew l-uffiċċju anke billi jsegwu l-attivitajiet li l-Kunsilli jkun qed jagħmel. Se nkomplu ninvestu f’dan il-qasam diġitali biex fl-aħħar mill-aħħar ikun ir-residenti ikun qed igawdi u jgħix ħajja aktar komda waqt li qiegħed jaħdem, jieħu ħsieb il-familja jew jagħmel ix-xogħlijiet tiegħu.”

Finalment staqsejna lis-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli dwar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li se jkunu qegħdin isiru bħal dan iż-żmien sena. 

Hija qalet li: “r-residenti se jkunu qegħdin joħorġu sabiex jużaw il-vot tagħhom anke biex jagħżlu min jirrappreżentahom fuq bażi lokali. Il-Kunsilli Lokali minkejja l-ilmenti li nisimgħu jibqgħu popolari għaliex huma l-ewwel ta’ spalla għaċ-ċittadini.

“L-appell tiegħi lejn il-pubbliku Malti u Għawdxi sabiex joħroġ jagħżel dawk il-kandidati li jaħseb li għandhom jirrappreżentawhom bl-aħjar mod possibbli,” tenniet is-Segretarju Parlamentari.

Sport