Tixhed dan l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo, waqt l-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia
Waqt li kienet qegħda tixhed f’seduta oħra tal-inkjesta pubblika marbuta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Alexandra Mamo, li preżentament hija risponsabbli mid-Dipartiment tar-Reati Finanzjarji fi ħdan l-istess Korp tal-Pulizija, saħqet li l-investigazzjoni msejħa “Operation Green” rigward il-Panama Papers, u l-ftuħ tal-kumpaniji sigrieti mill-eks Ministru Konrad Mizzi, u l-eks Chief of Staff Keith Schembri, tinsab fi “stadju kruċjali.”
Mamo saħqet li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, tant li waslu fi stadju ta’ inkjesta maġisterjali, b’waħda minn dawn l-inkjesti “tinsab fi stadju kruċjali.”
L-Assistent Kummissarju, meta mistoqsija mill-Imħallfin fuq ir-raġuni għala l-investigazzjonijiet fis-snin preċedenti kienu iktar kawti, Mamo saħqet li hija ma setgħetx titkellem “għal dak li kien qiegħed jiġri fis-snin ta’ qabel. Li nista’ ngħid huwa li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, tant li hemm numru ta’ persuni li kienu arrestati u kienu meħlusa fuq police bail.”
Mamo saħqet li t-taqsima tagħha għandha wkoll kopja tal-informazzjoni li hemm fuq it-telefon ċellulari ta’ Yorgen Fenech, u li kwalunkwe chat li l-allegat moħħ wara l-qtil ta’ Caruana Galizia seta’ kellu, “qiegħda tiġi analizzata.”
L-inkjesta li qed tinstema’ quddiem l-eks Imħallef Michael Mallia, l-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro, mistenni li tkompli għada l-Ġimgħa.