Friday, November 15, 2024

L-Inkjesta Maġisterjali hija dik li għandha l-aktar setgħat investigattivi b’saħħithom

Aqra wkoll

Inkjesta maġisterjali hija għodda investigattiva li għandha f’idha poteri li entitajiet oħra m’għandhomx.

Dan intqal minn esperti legali ma’ Talk.mt, hekk kif provajna nistħarrġu xi tfisser tassew inkjesta maġisterjali fid-dawl ta’ dibattitu li għaddej fil-pajjiż dwar l-inċident li wassal għal mewt ta’ Jean Paul Sofia.

B’emendi f’mozzjoni parlamentari, il-grupp parlamentari tal-gvern saħaq fuq is-saħħa li għandha din l-inkjesta biex f’dan il-każ twassal għal ġustizzja. Qalu li għandha tintrefa’ ġustizzja kriminali, ċivili u amministrattiva skont il-każ.

L-avukat Veronique Dalli spjegat is-setgħat li għandu l-Maġistrat inkwirenti fit-twettiq ta’ inkjesta Maġisterjali, huma mifruxa.

“Il-Maġistrat inkwirenti għandu s-setgħa li jidħol u jfittex kwalunkwe bini, jissekwestra karti u oġġetti oħra, jeżamina persuni, jieħu ritratti, marki tas-swaba’, kejl, u kampjuni, jaħtar esperti biex jassistu fl-inkjesta, u jiġbor ix-xhieda u jieħu dikjarazzjonijiet mingħandhom. Il-Maġistrat għandu wkoll dmir legali li jippreserva kwalunkwe dokument jew oġġett materjali relevanti li jiġi elevat u li jara li dan jinżamm sigur. Il-Maġistrat għandu wkoll is-setgħa li jordna l-arrest ta’ individwi, ” spjegat Dalli li saħqet dwar l-indipendenza u l-kunfidenzjalità tal-Inkjesta Maġisterjali.

“Il-Maġistrat Inkwirenti jintgħażel skont roster formali, magħruf bħala l-Maġistrat tal-Għassa, għalhekk il-proċess huwa kompletament indipendenti u mingħajr ebda forma ta’ forum shopping. Barra minn hekk, il-kunfidenzjalità ta’ Inkjesta Maġisterjali tipproteġi l-integrità tal-investigazzjoni u tiżgura li s-suspettati ma jiġux imwissija dwar l-evidenza disponibbli għall-inkjesta,” kompliet tisħaq Dalli.

L-Avukat Dalli tispjega li l-Maġistrat Inkwirenti huwa liberu li jmur fi kwalunkwe direzzjoni li tibagħtu l-inkjesta u l-Maġistrat, u m’huwa suġġett għall-ebda limitazzjoni fir-rigward tal-fatti li jista’ jinvestiga.

“Is-suppożizzjoni li Inkjesta Maġisterjali ma tistħarriġx nuqqasijiet amministrattivi tal-Istat hija purament gratwita. M’hemm xejn li jipprojbixxi lill-Maġistrat milli jindika nuqqasijiet amministrattivi jew politiċi. Inkjesta skont l-Att dwar l-Inkjesti (Inkjesta Pubblika) tintuża aktar ta’ spiss biex tiġi stabbilità r-responsabbiltà dixxiplinarja. Jekk it-termini ta’ referenza jippermettu dan, jistgħu jittieħdu kwistjonijiet usa’, bħall-policies, fl-investigazzjonijiet tagħha,” żiedet l-avukat Dalli li fakret ukoll kif wieħed jista’ jmur għand l-inkjesta jekk iħoss li għandu xi provi li huma relevanti.

Ħarsa lejn il-liġi turi li l-persuni li jmexxu inkjesta taħt l-Att dwar l-Inkjesti (li hi differenti minn inkjesta maġisterjali) normalment ma jkunux membri tal-ġudikatura u għalhekk ma jgawdux mis-salvagwardji tal-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura. Huma jaġixxu wkoll fuq il-bażi ta’ ‘termini ta’ referenza’ speċifiċi u mhux tal-liġi u dawk it-termini ta’ referenza xi drabi jkunu r-riżultat ta’ negozjati u kompromess li jistgħu jbiegħdu l-inkjesta mil-liġi.

Hemm ukoll inkjesti oħra, kif kompliet tispjega l-avukat Dalli.

“Fil-fatt hemm ukoll inkjesti oħra bħal dawk li jsiru mill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku intiżi għal skopijiet dixxiplinari interni tas-servizz ċivili u inkjesti li jsiru mill-Ombudsman, mill-Awditur Ġenerali, mill-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni u mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Dawn kollha jagħmlu s-sejbiet tagħhom għall-finijiet nobbli li għalihom ġew stabbiliti l-istituzzjonijiet li jwettquhom,” qalet l-avukat li spjegat li l-ebda waħda minnhom, madankollu, mhi għodda iżjed b’saħħitha minn Inkjesta Maġisterjali.

Kritika li ssir lejn l-inkjesti maġisterjali hi li dawn ikunu sigrieti. Iżda, jidher li din hi kritika valida sa ċertu punt għaliex l-inkjesta tista’ tasal għand min l-iktar jeħtieġa. Dwar dan l-Avukat Dalli spjegat li “meta jitressqu persuni l-Qorti abbażi ta’ Inkjesta Maġisterjali u l-qraba tal-vittma jipparteċipaw fil-proċess, kif għandhom dritt jagħmlu, se jkollhom aċċess għall-proċess, inkluż l-inkjesta fl-intier tagħha. Jekk il-qraba tal-vittma jkunu jridu kopja qabel jitressqu persuni l-Qorti, dan jista’ jsir bl-awtorizzazzjoni tal-Avukat Ġenerali.”

Iktar minn hekk, b’differenza milli kien jiġri fil-passat, bl-emendi li ressaq il-Gvern fl-2020 (Att XLI tal-2020 li introduċa l-artikolu 469B fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili), jekk ma tingħatax awtorizzazzjoni mill-Avukat Ġenerali, dik id-deċizjoni tista’ tiġi sfidata quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili. Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi, id-deċizjoni tal-Avukat Ġenerali kienet waħda finali u ma setgħetx tiġi sfidata ħlief bil-proċedura straordinarja tal-azzjoni kostituzzjonali.

Ekonomija

Sport