Monday, May 13, 2024

L-INKJESTA PUBBLIKA … ĦTIEĠA TA’ RIFORMI LI JINKLUDU L-ISTAKEHOLDERS KOLLHA

Aqra wkoll

L-eku tal-inkjesta pubblika dwar il-kollas ta’ binja f’Kordin li ħalla mejjet liż-żagħżugħ Jean Paul Sofia għadu jidwi f’diversi nħawi, partikularment ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-istess inkjesta. F’mument hekk delikat, l-Oppożiżżjoni Nazzjonalista ħatfet il-mument biex ressqet mozzjoni ta’ sfiduċja fi tliet ministri, mhux biss, imma talbet ukoll li dawn ir-rakkomandazzjonjiet jiġu mplimentati fi żmien sitt xhur. Il-możżjoni tal-PN madankollu ġiet megħluba fil-Parlament, u bir-raġun.

Iżda, lil hinn mill-aspett politiku, ħadd m’għandu jibda jparla bl-amment mingħajr ma jkun fela sew x’ifissru r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-inkjesta Zammit Mckeon, meta xi wħud minnhom huwa kważi impossibli li jiġu implimentati fi żmien hekk qasir. Għax kif jgħid il-qawl Malti, qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel.

U f’dan il-kuntest ma nistgħux ma nikkummentawx u ngħidu illi dak li ma sarx f’perjodu ta’ ħamsin sena huwa improbabbli jekk mhux impossibbli li jsir fi spazju ta’ ftit ġimgħat. Ħadd ma jista’ jmeri l-fatt li l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna f’dawn l-aħħar snin kien wieħed qawwi u b’pass mgħaġġel ħafna tant li s-settur tal-kostruzzjoni ma laħħaqx miegħu. 

Fl-istess ħin iżda ma nistgħux nibqgħu ċassi u ma ngħidux li fl-industrija tal-kostruzzjoni ma sar xejn. Anki jekk dak li sar ma kienx biżżejjed jew kif kien mistenni, iżda rridu nammettu li diġa ddaħħlu ċertu riformi, fosthom il-liċenzjar tal-kuntratturi, u issa l-formazzjoni ta’ korp ta’ periti u avukati biex jassistu lil dawk li qribhom ikun qed isir xi żvilupp ta’ kostruzzjoni.

L-iżvilupp fis-settur tal-kostruzzjoni, taqbel jew ma taqbilx mal-mod kif sar u għadu jsir, huwa settur li qed jagħti l-għajxien lil eluf ta’ familji tal-ħaddiema. 

Għalhekk jeħtieġ li kull riforma li seħħ fiħ trid issir b’kawtela, bil-għaqal, bil-galbu u bi ħsieb li jservu mhux għal-lum biss imma għat-tul tas-snin li ġejjin.

Għax jekk verament, bħala soċjetà, irridu naslu f’sitwazzjoni li inċidenti u fatalitajiet fuq il-postijiet tax-xogħol jiġu mrażżna, jekk mhux ukoll evitati, jeħtieġ li kull riforma tkun tinvolvi diskussjoni wiesa kemm jista’ jkun bis-sehem ta’ l-istakeholders kollha, huma min huma, inklużi s-soċjetà ċivili, sabiex kulma jsir jagħti serħan il-moħħ lil kulħadd.

Irridu niftakru wkoll li f’pajjiiżna ilhom għexieren ta’ snin iseħħu korrimenti u inċidenti fatali fil-postijiet tax-xogħol, għalhekk nistennew li f’mumenti hekk delikati ma jkunx hemm min li jipprova b’xi mod jirkeb il-karru politiku partiġġjan għal vantaġġ u skopijiet tiegħu, jew li jipprova jitfa xi pressjoni fuq l-awtoritajiet.

Fuq kollox nemmnu li l-Gvern huwa impenjat u diġa kkommetta ruħu li r-riformi li jistgħu jitwettqu bla telf ta’ żmien se jsiru u se jsiru u b’mod li jissodisfaw ir-rakkomandazzjonijiet fattwabbli tal-inkjesta. Min-naħa l-oħra nemmnu wkoll li hemm dubji kbar dwar ċertu rakkomandazzjonijiet li jeħtieġ jiġu ċċarati. Dan speċjalment fejn tissemma l-Awtorita tas-Saħħa u s-Sigurtà.

Għax filwaqt li nemmu li l-ispetturi tal-Awtorità għandhom ikunu mħarrġa sew f’xogħlhom, ma nistgħux nifmhu iżda kif jista’ jkun li l-inkjesta rrakkomandat li dawn l-ispetturi jkunu professjonisti u jifhmu fis-setturi u l-postijiet tax-xogħol kollha f’pajjiżna. Jekk nemmnu dak li trid l-inkjesta, allura nkunu qed nidħku bina nfusna u nkunu wkoll qed noħolmu ‘l bogħod mir-realtà.

Sport