Thursday, December 26, 2024

L-inkjesta: rakkomandazzjonijiet u inkonsistenzi

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem il-bord li ħejja l-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia f’siti ta’ kostruzzjoni f’Kordin ħareġ b’diversi rakkomandazzjonijiet intiżi biex jiġu indirizzati nuqqasijiet u titjieb is-sitwazzjoni fl-industrija tal-kostruzzjoni.

M’hemm ebda dubju li l-inkjesta pubblika wasslet għal diversi tagħlimiet fejn jidħlu s-siti ta’ kostruzzjoni imma mhux biss. Hemm rakkomandazzjonijiet, li la darba jitwettqu, wieħed jistenna li għandhom iwasslu biex jonqsu l-inċidenti u biex ikun hemm aktar galbu L-istess bord ħares ukoll lejn l-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità tal-Bini, l-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà u Jobsplus u jgħid li dawn għandhom ikollhom sistema diġitali ta’ informazzjoni bejniethom u mhux kulħadd jaqdef għal rasu. L-istess rapport jgħid li l-Malta Enterprise m’għandhiex biss tapprova l-business plan imma jeħtieġ tassigura li kull applikazjoni għall-użu ta’ fabbriki jew art industrijali tiġi valutata b’mod ġust u oġġettiv.

Wieħed jistenna li dak rakkomandat jitwettaq bla dewmien. Nistennew ukoll li dak imwettaq, jibqa jiġi segwit anke wara li jitwettaq Naqblu perfettament li fejn jirrigwarda il-ħruġ ta’ liċenzja għall-kuntratturi, din għandha tkun meħtieġa klassifikazzjoni tal-kuntratturi.

Naqblu ukoll li proġetti ta’ entità sostanzjali jew proġetti ta’ infrastruttura u importanza nazzjonali għandhom jiġu eżegwiti minn kuntratturi fl-ogħla klassifika biex jiġu evitati, kif ġara u għadu qed jiġri, li minħabba l-prezz jidħlu għalihom kuntratturi ta’ professjonalità inferjuri bil- konsegwenza li jkun hemm proġetti ma jispiċċaw qatt, u minbarra hekk mingħajr ebda garanziji reali għall-ħaddiema. Nemmnu li hi rakkomandazzjoni f’waqtha li biex kuntrattur tinħariġlu liċenzja jrid ikollu polza tal-assikurazzjoni li tkun tkopri kollox inkluż l-impjegati tal-kuntrattur u terzi.

Hemm imbagħad ir-rakkomandazzjoni ta’ l-iSkill Card. Rakkomandazzjoni li t-twettiq tagħha nemmnu li għandu jnaqqas l-inċidenti. Rakkomandazzjoni li missha ilha li twettqet. Ir-rakkomandazzjoni tgħid li kull persuna li taħdem fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni jrid ikollha skill card li toħroġ abbażi tas-sengħa li dik il-persuna jkollha. Kull persuna li tiġi impjegata minn kuntrattur liċenzjat biex jopera fil-bini u kostruzzjoni jrid ikollha skill card. Din għandha tkun mandatorja mhux volontarja kif inhi s-sitwazzjoni fil-preżent. Għandha tgħodd għall-ħaddiema kollha, kemm jekk Maltin, kemm jekk ċittadini tal-Unjoni Ewropea kif ukoll jekk ikunu minn pajjiżi terzi.

Wieħed ma jistax ma jaqbilx mar-rakkomandazzjoni li dawk il-persuni li jinstabu jaħdmu mingħajr skill card għandhom jitwaqqfu fuq il-post minnufih u kuntratturi liċenzjati li jirriżulta li jkollhom persuni impjegati bla skill card ukoll għandhom jitwaqqfu dak il-ħin.
Problema kbira li kien qegħdin isibu iċ-ċittadini fejn jidħlu lmenti dwar siit ta’ kostruzzjoni hi dik li ma kinitx faċli li wieħed jirrapporta u mbagħad biex isir jaf jew jingħata sodisfazzjon x’azzjoni ttieħdet.

Hi poożittiva ħafna ir-rakkomandazzjoni li l-pubbliku għandu jkollu aċċess faċli u effettiv ta` rappurtaġġ fil-pront lill-entitajiet regolatorji kollha, 24 siegħa kuljum, inkluż Sibtijiet u Ħdud, biex iwassal it-tħassib tiegħu dwar ċertu binjiet u siti. Pożittiva ukoll li kull site notice għandha turi n-numri tat-telefon, mobiles inklużi, tal-BCA. Dawn għandhom ikunu aċċessibbli 24 siegħa kuljum għal rapporti mill-pubbliku. Il-kuntatt ta’ hot line tal-BCA għandu jidher fis-site notices. Rakkomandazzjoni bħal din se tkun qiegħda tagħti għodda ġdida liċ-ċittadini.

Meta nitkellmu fuq siti ta’ kostruzzjoni ma nistgħu ma nsemmux is-saħħa u sigurtà. Minn natura tax-x-xogħol tal-kostruzzjoni, il-perikli u r-riskji qegħdin hemm u mhumiex żgħar. Kien ilu jinħass il-bżonn li għandu jkun hemm reviżjoni sħiħ tar-regolamenti eżistenti u issa qiegħda tkun rakkomandata reviżjoni sħiħa biex ikun aċċertat li fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni, dawk involuti ikunu jafu x’inhuma r-responsabbilitajiet. Spiss jiġri li f’każ ta’ inċidfent wieħed jipponta lejn ħaddieħor jew dak li jkun jipprova jfarfar minn fuq spallejh.

Li s-site safety officer issa qed ikun rakkomandat li għandu jkollu l-awtorità li jwaqqaf ix-xogħol sakemm in-nuqqasijiet li jkun hemm jiġu eliminati, hi rakkomandazzjoni fid-direzzjoni t-tajba. Nemmnu li hi pożittiva l-fatt li issa hu rakkomandat li l-project supervisor għandu jingħata protezzjoni fil-liġi u għandu jkollu s-setgħa li jwaqqaf ix-xogħol anke jekk l-impjieg tiegħu jiġi mill-klijent.

Is-settur tal-kostruzzjoni hu wieħed minn dawk l-oqsma fein hu karatterizzat minn ħaddiema barranin. Matul is-snin kellna ukoll diversi inċidetnti fatali, fejn ħaddiema barranin tilfu ħajjithom waqt li kienu qegħdin jaħdmu. Issa qiegħed ikun rakkomandat li l-aġenzija Identità Malta m’għandhiex tkun rubber stamp u għandha tkun hi u mhux Jobsplus li toħroġ is-Single Work Permit lil dawn il-ħaddiema.

Irridu nirrimarkaw li wieħed ma jistax ma jsemmix ċertu inkonsistenzi li hemm fir-rapport ta’ inkjesta.

Waħda mill-inkonsistenzi li hemm tirrigwarda l-bord tal-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA). Dan hu bord konsultattiv u għalhekk ma jistax jidħol fl-operat ta’ kuljum f’sit ta’ kostruzzjoni.

Wieħed ma jistax jifhem kif il-bord ta’ inkjesta fir-rapport tiegħu jgħid b’ċertu insistenza li ċ-Ċermen tal-OHSA għandu jirrikonsidra l-pożizzjoni tiegħu iżda imbagħad ma’ jgħidx l-istess għaċ-Ċermen tal-MCCAA, Helga Pizzuto, li hi mhux biss Ċermen imma għandha l-eżekuttiv f’idejha ukoll. Ma nistgħux ma nistaqsux għaliex liċ-Ċermen tal-MCCAA ma qalulhiex biex anke hi tirrikonsidra l-pożizzjoni tagħha?

Inkonsistenza oħra li tolqot l-għajn mir-rapport ta’ inkjesta hi r-rakkomandazzjoni li qiegħda ssir li l-ispetturi tal-OHSA għandhom ikunu f’pożizzjoni jiddikjaraw jekk struttura hix f’periklu jew le. Il-mistoqsija toħroġ waħidha – dawn se jkunu periti jew inġinieri ċivili?.
L-ispetturi huma kwalifikati fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà u xogħlhom hu li jaraw li l-isttruttura għandha s-sigurtà meħtieġa biex il-ħaddiema ma jweġġgħux. Xogħol l-ispetturi hu li jaraw jekk il-ħaddiema għandhom ilbies protettiv, u jekk hemmx sigurtà u mhux hekk il-binja hix mibnija kif suppost.

Fejn jirrigwarda l-Malta Enterprise ma nistgħux ma nirrimarkawx dwar l-inkonsistenza li l-Bord bagħat għall-Kap Eżekuttiv il-ġdid u mhux għal dak ta’ qablu. Għaliex ma bagħtux għal Peter Borg, li hu kien id-Deputat Ċermen tal-Malta Enterprise.

It-tama tagħna hi minn dan l-episodju jittieħdu it-tagħlimiet li hemm bżonn biex jekk jista’ jkun ma nesperjenzawx traġedji simili.

Ekonomija

Sport