Monday, April 6, 2026

L-Inspire b’ċens temporanju estiż għal 50 sena

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Żewġ siti li jinsabu fiż-żona magħrufa il-Bur ta’ wara l-Andar, Bulebel Industrial Estate, fil-limiti taz-Zejtun li jinsabu taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet, ġew trasferiti b’titolu ta’ enfitewsi temporanja għall-perjodu ta’ ħamsin sena lill-fondazzjoni Inspire. Dan il-pass jassigura stabbiltà fit-tul għal din l-għaqda mhux Governattiva prestiġjuża, filwaqt li jippermetti aktar investiment fil-faċilitajiet u fl-iżvilupp kontinwu tagħha.

L-Inspire Foundation twaqqfet fl-2008 f’Malta wara li ingħaqdu l- Eden Foundation u Razzett tal-Ħbiberija. Tipprovdi servizzi ta’ edukazzjoni, terapija u appoġġ lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom, u kibret f’organizzazzjoni ewlenija li tippromwovi inklużjoni, indipendenza u dinjità fis-soċjetà Maltija.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dan il-pass huwa wieħed importanti biex jiġi assigurat futur stabbli għall-Inspire Foundation, filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-ħidma tagħha fis-soċjetà. Huwa enfasizza li permezz ta’ din l-enfitewsi temporanja ta’ 50 sena, l-għaqda se tkun tista’ tippjana u tinvesti fit-tul, sabiex tkompli toffri servizzi ta’ kwalità u tappoġġja lill-persuni u lill-familji li jiddependu fuqha.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Inspire, Antonello Gauci, qal li Inspire tgħin madwar 1,000 persuna kull sena, flimkien mal-familji tagħhom, permezz tas-servizzi varji tagħha. Dawn jinkludu edukazzjoni speċjalizzata, terapiji u programmi fil-komunità li jippromwovu l-inklużjoni u l-iżvilupp personali.

“Permezz ta’ din l-istabbiltà fit-tul, nistgħu nkomplu nippjanaw għall-futur b’kunfidenza akbar, insaħħu l-faċilitajiet tagħna u nkomplu noffru servizzi ta’ kwalità biex nilħqu aktar persuni fis-soċjetà Maltija,” qal Gauci.

It-trasferiment ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, flimkien mal-Kap Eżekuttiv Antonello Gauci.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport