Fuq medda ta’ żmien, diversi pajjiżi fallew milli joħolqu klima ta’ integrazzjoni u bilanċ bejn dak li hu meħtieġ fis-soċjetà. Fuq naħa, tali falliment wassal għal ċertu attakki fuq id-diversità, li huma parzjalment ir-raġuni għalfejn ghal reazzjoni negattiva kontra l-integrazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-kelma; ‘multikulturaliżmu’, ġiet miżinterpretata bħala tifsira li wieħed jista’ joġġezzjona għall-integrazzjoni, Naturalment, din ma tfissirx dan.
Partikolarment issa u f’dawn l-aħħar snin, meta rajna u qed naraw moviment ta’ lemin estrem ikompli jerfa’ rasu, huwa importanti li nistabbilixxu x’inhuma l-obbligi u d-drittijiet taċ-ċittadini tagħna, inkluż dawk li li jkunu imigraw ġewwa pajjiżna.
Wieħed irid jifhem li filwaqt li huwa dritt li wieħed jintegra, bl-istess mod dan irid jaċċetta r-regolamenti, liġijiet, kultura u drawwiet tas-soċjetà li jkun qed jgħix fiha. Imma bl-istess mod ukoll, dan għandu d-dritt li jeżerċita d-diversità kollha sakemm din hija konsistenti mal-istess dmirijiet li għandu.
Forsi waħda mir-raġunijiet f’pajjiżna għalfejn l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni huma suġġett ta’ diskussjoni, hija għaliex l-effett tagħhom ma jinħassx fuq kulħadd l-istess. Hemm min ikun jidher imħasseb u anzjuż bil-mod li hu jkun qed jara dan il-fenomenu jikber u hemm min ikun aktar miftuħ li jilqa’ din it-tip ta’ diversità għax jara fiha sens ta’ solidarjetà, unifikazzjoni soċjali u multikulturaliżmu li minnu nnifsu jagħti tifsira aktar wiesa’ ta’ komunità minsuġa u b’saħħitha.
Dan iwassal għal preġudizzju skont minn liema lenti wieħed iħares lejha. Issib min ikun irid jibqa’ b’moħħ magħluq u jitkellem bl-istess retorika, filwaqt Ii oħrajn jifhmu aktar malajr, illi meta tipprova tifhem u tagħti spazju biex dak li jkun ikollu ċ-ċans jipprattika d-diversità b’rispett, jinbet sens ta’ rispett reċiproku u maż-żmien anki appartenenza lejn dik il-komunità.
Għaldaqstant, irridu naraw li b’movimenti popolisti jkomplu jikbru, il-politika tagħna trid tkun iddisinjata b’mod li toħloq bilanċ kemm għat-tħassib li jkunu qed juru xi wħud imma wkoll għal dak li hu ġust u sewwa. Dan jagħti kunfidenza lir-residenti u jkunu aktar miftuħa li jilqgħu l-istess diversità.
Iva, hemm min jabbuża u kultant ikollok ċirkostanzi estremi fejn il-ftit jagħmlu dak li jkun mistmerr minn kulħadd, inkluż il-komunità li minnha hu jkun jagħmel parti. Iva, kultant issib żoni, li minħabba d-demografija tagħhom, jagħtu lok li wieħed jaħseb li m’għadux iktar sikur li toħroġ barra wara ċertu ħin. Imma rridu nammettu li dawn huma inċidenti iżolati. Irridu nifhmu wkoll li inċidenti bhal dawn ħafna drabi joħolqu sensazzjoni kbira biżżejjed sabiex jagħmulha sal-kmamar tal-aħbarijiet. Hawn il-midja għandha responsabbiltà x’terfa’.
Fejn tkun il-midja meta għadd ta’ komunitajiet u membri tagħhom, jingħaqdu mal-komunità Maltija fil-lokal tagħhom u flimkien mal-Kunsill Lokali jipparteċipaw f’attivitajiet flimkien? Fejn tkun il-midja meta biex tonqos li ssemmi ċirkostanzi u stejjer ta’ suċċess, fejn ikun hemm attivitajiet ta’ multikulturaliżmu bejn komunitajiet differenti? Fl-aħbarijiet nisimgħu biss meta xi ħadd jagħti xi daqqa ta’ sikkina lil xi ħadd. Ma nisimgħu qatt meta xi persuna mill-istess pajjiż, minħabba l-professjoni tiegħu ta’ tabib, ikun salva ħajjet xi Malti jew Maltija!
Ħafna tkellmu b’mod sensazzjonali dwar l-aħħar argument li qam fil-Ħamrun. Tkellmu li m’hemmx sigurtà u li bħal donnu l-forzi tal-ordni ma kinux pronti biżżejjed fuq il-post biex jintervjenu mill-ewwel. Dan l-istess argument li jsir fuq Paceville. Nistaqsi; Hawn xi ħadd li jkun jaf minn qabel x’se jseħħ u fejn se jseħħ? Ġlieda jew argument jista’ jinqala’ kullimkien u f’kull ħin, inkluż fi kċina ta’ dar matrimonjali. Fejn se taqbad titfa’ l-pulizija? Wieħed f’kull kantuniera għal li jista’ jinqala’? Ma naħsibx.
Dan ma jneħħix mill-fatt li jrid ikun hemm preżenza però li nistennew li jkollna stakkament ta’ pulizija f’kull triq, naħseb ma nkunux ġusti u realistiċi fl-argumenti tagħna.
Ejja ma ninsewx li sa ftit tas-snin ilu, f’sajf bħalma kien dan li qegħdin fih, ġewwa pajjiżna kienu jidħlu dgħajsa wara oħra mimlija nies ifittxu l-għajnuna. Nies li jkunu mwiegħda l-ġenna, il-ħolma Ewropea. Niftakru l-Forzi Armati tagħna u l-pulizija kontinwament fuq il-baħar idaħħlu dgħajsa wara oħra. Dak iż-żmien, min kien estrem kien jgħid biex ‘nisparaw fuqhom’ u oħrajn li nħalluhom ‘jegħrqu’.
Il-politika li tħaddmet fl-aħħar snin, wasslet biex għandna ferm u ferm inqas minn dawn l-iżbarki ġewwa pajjiżna u l-pulizija u s-suldati jistgħu jgħinu biex fejn meħtieġ, tinżamm l-ordni fuq l-art.
Suġġett bħal dan m’għandux soluzzjoni waħda. M’hemmx deċiżjoni waħda li tista’ tapplika b’mod solitarju. Suġġett bħal dan jimmerita diskussjoni, mhuh miftuħa u aċċettazzjoni li qed ngħixu f’dinja globali. Malta mhix f’bozza. Dak li jiġri fil-pajjiżi ġirien tagħna, jolqot lilna wkoll. Dan il-qasam mhux eċċezzjoni.
Mhux faċli għal Gvern li dejjem isib bilanċ li jikkuntenta lil kulħadd. Dan għaliex dan mhux suġġett li trid taġixxi kif l-aktar tkun popolari man-nies. Dan huwa qasam li l-politika dwaru tinbidel b’mod rapidu skont il-perjodu u ċ-ċirkostanzi li tkun fih.
Fuq livell lokali, diġà saret ħidma kbira. Hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn il-Ministeru konċernat u l-Kunsilli Lokali. Ġie ffirmat anki MoU f’dan il-kuntest u kien hemm diskussjonijiet intensivi fuq livell lokali wkoll dwar it-tnedija tac-Charter dwar l-immigrazzjoni u integrazzjoni. Ma’ dawn il-kelmiet trid iżżid ukoll il-kelma; ‘inklużjoni’. Ma tistax tintegra jekk ma tkun inklussiv. Dan kruċjali.
Kif għidt qabel, nemmen li m’hemmx soluzzjoni waħda imma kif rajna fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru innifsu niżel anki fuq livell lokali u ltaqa’ ma’ Sindki sabiex jifhem aktar mill-viċin dak li qed jgħidu r-residenti. Dan kien sinjal b’saħħtu li l-Gvern irid jaħdem b’‘bottom up approach’ fuq dan il-qasam. Turija li qed jifhem u jaf li m’hemmx ‘one size fits all solution’.
Kultant aħna stess nagħmluha diffiċli għalina nfusna għaliex minflok nipprovaw nifhmu lil dak li jkun, inkellmuh, nuruh li huwa aċċettabbli għalina li jipprattika dak li jemmen fih basta jirrispetta dak li mdorrijin bih, ħafna drabi nagħlqu l-bieb għax preġudikati diġà. Dan jista’ jnissel rabja fil-persuna l-oħra, li tista’ twassal ukoll għal sens ta’ ribelljoni. Iva mela le, fejn hemm bżonn wieħed ikun iebes u anki jekk meħtieġ jibgħat lura ċertu nies li jagħmlu ċertu reati, bl-istess mod irridu nkunu moderati fil-ħsieb tagħna, fl-għemil tagħna u fuq kollox fil-kummenti tagħna.
L-estrem, naħa jew ohra, mhu tajjeb qatt, ghal xejn u għal ħadd. Il-bilanċ, ir-rispett, it-tolleranza u r-rieda, huwa dawk l-ingredjenti li jistgħu jiffaċilitaw mhux biss il-ħajja tagħna fl-ibliet u rħula fejn ngħixu imma wkoll ta’ dawk li sal-lum għadna nagħmluha diffiċli għalihom biex ihottu ‘s-swar mentali’ li jiġu bih fostna.