L-ammont ta’ dollari li qed jintefqu fuq l-iżvilupp ta’ intelliġenzi artifiċjali huma vasti u qed ikomplu jiżdiedu. Il-kumpaniji tal-informatika Amerikani l-kbar jinsabu f’tellieqa kbira bejniethom min minnhom se javanza l-aktar malajr. Iċ-Ċiniżi l-istess. Mad-dinja kollha qed tiżdied il-pressjoni biex fabriki, mezzi ta’ trasport u kumnikazzjoni, armati… jistabilixxu dejjem aktar apparati mogħnija bl-aħħar żviluppi tal-intelliġenza artifiċjali.
Bl-istess mod għalkemm fuq livelli differenti, il-bnedem qed jgħaddi jew se jkollu jgħddi miin bidliet kbar f’kif jgħix ħajtu mit-tfulija sal-mewt, kif jitgħallem u jitħarreġ, kif jiddeverti u jikkomunika, kif jaħdem u jiġġudika l-affarijiet, kif jixjieħ. Forsi dawn se jkunu l-aktar bidliet radikali li qatt ġarrab. Imma lanqas nafu sa fejn jistgħu jwasslu. Il-fehma wiesgħa hi li bl-intelliġenza artifiċjali, il-ħajja ssir aktar ħafifa, komda u sabiħa. J’alla jiġri hekk kif il-promoturi tagħha jħabbru bla waqfien. Hemm min qed ibassar il-kuntrarju. Min jaf jekk dawn tal-aħħar għandhomx raġun wara kollox?
IKEL AĦDAR
Xi jwassal lil individwi biex ma jieklu qatt laħam? Fehma spiritwali bħal li m’għandek qatt toqtol? L-idea li ikel bla laħam hu aħjar għas-saħħa? Moda? Sempliċement gosti? U terġa’ hemm min lanqas jiekol prodotti annimali bħal bajd u ħalib (jekk fhimt tajjeb lanqas għasel), waqt li oħrajn lesti jieklu l-ħut (forsi dan baqa’ magħhom minn imgħoddi ta’ drawwiet kattoliċi).
Li hemm interessanti f’dan kollu hu li mid-dehra daħlet it-tieni kwalità ta’ ikel mhux magħmul minn laħam. Jitħejja fil-laboratorji b’mod sintetiku u fi kwantitajiet industrijali li jistgħu jingħataw it-togħma kemm tal-laħam jew tal-ħxejjex. Kemm kellna żball fl-imgħoddi nemmnu li bil-hamburgers u ċ-chips konna wasalna sal-fruntieri tal-ikel artifiċjali!
L-ESTREMIŻMU LEMINI
M’għadux fenomenu politiku emarġinat. Anzi żgur li issa jista’ jitqies bħala moviment fuq il-quddiem nett tal-politika. L-amministrazzjoni Trump fl-Istati Uniti qed tassigura li dan jiġri. Bl-użu dejjem aktar ta’ rinforzi militari federali biex tħares “is-sigurtà” fit-toroq u biex twaddab il-ħabs immigranti, illegali jew le; biex tikkontrolla t-tagħlim fl-Universitajiet; biex tuża d-dipartiment tal-ġustizzja ħalli tpattiha lil min ikkuntestaha jew ma qabilx magħha u biex twaqqaf bil-forza dimostrazzjonijiet publiċi anke legali…
Fl-Istati Uniti dawn l-iżviluppi qed isiru dejjem aktar bil-kunsens tal-qrati. Bla dubju se jinxterdu ma’ pajjiżi oħra hekk kif il-lemin estrem jibqa’ jinxtered. Diġà jinsab stabbilit fl-Iżrael u fl-Ungerija, fost oħrajn. Is-suċċess li qed jikseb ġej mill-fatt li rnexxielu jinqeda b’uħud mill-akkużi ġustifikati tiegħu kontra l-esaġerazzjonijiet tal-liberaliżmu biex wessa l-attakk tiegħu kontra t-tolleranza, il-ħelsien tal-kelma u l-ġlieda li qatt ma għandha tintesa kontra r-razziżmu.