Thursday, April 25, 2024

L-INTELLIĠENZA ARTIFIĊJALI … TA’ GWADANN JEW TFIXKIL?

Aqra wkoll

L-iżvilupp teknoloġiku li f’dawn l-aħħar snin kien fuq fomm ħafna huwa dak tal-intelliġenza artifiċjali. Dan qed ikun suġġett mhux nieqes mid-dibattitu anke f’Malta, dwar jekk dan jekk hux ta’ gwadann jew tfixkil. 

L-akbar biża’ bħalissa hi li d-dinja se tinqasam f’żewġ kategoriji – dawk in-nies li għandhom u jużaw l-internet u dawk li jużaw l-internet iżda huma konxji wkoll mill-potenzjal tal-intelliġenza artifiċjali. 

Ninnutaw kif il-kumpanija Lincoln Method ibbażata fil-Finlandja tkellmet mal-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima u qablu li jkun hemm “road map” għal pajjiżna, illi l-għan huwa li jkun żgurat li kull tifel u tifla fl-iskejjel jiksbu għarfien biżżejjed dwar l-AI u x’impatt, tajjeb jew ħażin, jista’ jkollu fuq ħajjithom. 

Fil-fatt, fil-ġimgħat li għaddew, f’pajjiżna tnieda proġett pilota fi tliet skejjel f’Malta u f’Għawdex, bil-għan li l-istudenti taħt it-13-il sena jingħataw togħma ta’ xi tfisser l-AI rigward il-privatezza, l-opportunità li din se ġġib magħha u anke ntwerew kif jużaw l-għodod tal-AI. 

L-istess proġett pilota kellu l-appoġġ tal-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u l-Finlandja Dr Kenneth Vella, bil-għajnuna tal-Malta Enterprise. 

Minkejja kull sfida, nemmnu li l-ħaddiema m’għandhomx jiġu mnaffra minħabba f’dawn l-iżviluppi. Anzi, għall-kuntrarju għandhom jingħataw l-għodod kollha biex ikampaw fil-bidliet mgħaġġla li qed iseħħu fid-dinja tax-xogħol. 

Hawn ta’ min jgħid illi hemm ħtieġa li l-Università u istituzzjonijiet edukattivi oħra jkomplu jaħdmu id f’id man-negozji fit-taħriġ lill-ħaddiema. 

Dan ngħiduh għax nemmnu li l-progress ma jista’ jwaqqfu ħadd. Għalhekk anke aħna bħala Maltin għandna nagħrfu ndawru dawn l-isfidi f’aktar opportunitajiet.

Nemmnu wkoll li s-sehem tal-Gvern huwa kruċjali biex l-investiment li jsir, ikun adattat għal dawn iċ-ċirkostanzi moderni. B’hekk pajjiżna jkun jista’ jlaħħaq mal-iżviluppi li qed isiru f’pajjiżi oħra meta jitqies li l-ekonomiji huma kważi marbutin ma’ xulxin u jiddependu waħda fuq l-oħra. 

Għalhekk nemmnu wkoll li l-edukazzjoni vokazzjonali għandha tixpruna lil aktar ħaddiema biex jiksbu dawn il-ħiliet li jwassluhom mhux biss biex jibnu karriera imma li jipprovdu għall-għajxien tagħhom ta’ kuljum. 

Sport