Awtopsji fuq 84 persuna ssuspettati li mietu bid-droga s-sena li għaddiet, instab li l-aktar minnhom mietu bil-kokaina. Il-laboratorju (Forensic Analysis Laboratory – FAL) li għamel l-awtopsji qal li l-użu tal-kokaina beda jiżdied sew fl-aħħar ħames snin, iżda żdied ħafna fl-aħħar sentejn. Il-laboratorju sab ukoll li l-kokaina li qed tidħol Malta saret aktar pura u għalhekk aktar perikoluża biex tikkaġuna attakki tal-qalb. Kellha 26% purezza fl-2017 u 48% is-sena li għaddiet.
Biex tagħqad il-kokaina qed titħallat ma’ drogi sintetiċi bħal-’levamisole’ li tintuża bħala mediċina fuq l-annimali mill-veterinarji. Issir aktar perikoluża għax tagmel ħsara fil-moħħ u fil-qalb. L-aktar kontinent fejn żdied l-abbuż tal-kokaina huwa l-Ewropa u bħalissa hawn mill-inqas tliet miljuni u nofs jiħduha. Fi Franza l-kokaina tant żdiedet li qed tissejjaħ tsunami abjad. Żdiedet ukoll fil-Belġju, fi Spanja u fl-Italja. Sentejn ilu s-sindku ta’ Amsterdam, Femke Halsema, qalet li bin-negozju tal-kokaina l-Olanda qed tissogra li ssir “stat narko’ mgħarraq taħt flus maħmuġin, vjolenza u sfruttament.
Rapport tal-gvern fl-2023 jgħid li f’Malta l-abbuż mill-kokaina żdied b’21% mis-sena 2017 u tliet snin ilu kien hemm 750 persuna tfittex il-kura mill-kokaina. Tunnellata kokaina tinxtara €32 miljun u tinbiegħ €50 miljun, qligħ kbir ta’ €18 miljun kull tunnellata għal dawk li jbiegħuha. Is-suq Ewropew huwa stmat li jitla’ sa €10 biljuni. Kilò kokaina li jinxtara €1000 fil-Kolombja, jinbiegħ iżjed minn €35,000 fl-Ewropa. Jinbiegħu €50 sa €70 kull gramma.
Fil-gżejjer bħal tagħna n-neguzjanti tal-kokaina jsibuha aktar faċli jwassluha bil-baħar mal-vapuri u mezzi tal-baħar li jġorru l-passiġġieri u l-merkanzija, ma’ jottijiet u ma’ dgħajjes tas-sajd aktar milli bl-ajru fejn il-kontrolli fl-ajruport jsiru aħjar. Dawk li jmexxu n-negozju internazzjonali tad-droga f’katina twila minn dawk li jkabbruha fil-Kolombja,fil-Bolivja u fil-Perù sa dawk li jqassmuha mad-dinja u jaħdmuha f’laboratorji apposta fl-Ewropa u dawk li jgħinuhom jaħslu l-flus li jaqilgħu minnha dejjem jivvintaw modi ġodda kif jaħdmu u ma jinqabdux, anki għax jużaw il-flus biex fejn jistgħu jikkorrompu ħalli ma jsibux tfixkil.
Il-forzi tas-sigurtà, tal-pulizija u tad-dwana, anki jekk qed jaqbdu iżjed minn 323 tunnellata mal-Ewropa kollha fis-sena xorta mhumiex ilaħħqu mat-traffikanti. Hemm bżonn li tiżdied ħafna l-koperazzjoni effettiva bejn il-pajjiżi. Waqt li f’pajjiżna hawn min jaħseb li l-akbar theddida għall-pajjiżna hi li jiġi xi pajjiż akbar minna jaħtafna, ir-realtà turi li l-perikli serji u veri għalina ġejjin, mhux mill-forzi armati ta’ xi pajjiż ieħor iżda mill-kriminalità organizzata… u l-invażjoni ma ssirx b’vapuri u ajruplani tal-gwerra u l-armamenti mhumiex bombi jew missili iżda l-kunsinji ta’ kokaina li jdaħħlu f’pajjiżna bi ħsara għall-poplu tagħna.
Pariri ta’ Konfuċju
Aħna u nbaħħru f’baħar imqalleb miftuħ li ħadd m’għandu mappa tiegħu f’dawn iż-żminijiet mimlijin inċertezzi. Konfuċju għandu ftit pariri tajbin għalina:
1. “Iġġigħelx lil ħaddieħor jagħmel dak li ma tixtieqx li ħaddieħor iġiegħlek tagħmel.”
2. “Qabel tibda vjaġġ biex tivvendika ruħek minn xi ħadd, ħaffer żewġ oqbra.”
3. “Faċli ħafna tobgħod u diffiċli ħafna tħobb. Hekk taħdem il-ħajja. L-affarijiet tajbin huma diffiċli biex taħmilhom waqt li l-affarijiet ħżiena huma faċli.”
Żgur li għandna ħafna x’nitgħallmu minn Konfuċju li għex iċ-Ċina 2500 sena ilu. Traduzzjoni miċ-Ċiniż għall-Malti tal-’Analetti’ tiegħu ħarġuh is-Sensiela Kotba Soċjalisti fl-2022.
Konfuċju kien ħassieb u għalliem dwar il-virtujiet li jgħinuna ngħixu ħajja tajba: irrispetta lill-anzjani u lill-għorrief; aħseb u erġa’ aħseb qabel taġixxi; nistgħu nitgħallmu xi ħaġa mingħand kulħadd; agħmel dmirek b’mod onest u sew; ikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħek quddiem nies li ma tafx u imxi b’mod kordjali ma’ kulħadd; imxi ma’ ħaddieħor kif tixtieq li ħaddieħor jimxi miegħek; ħares ir-regoli u obdi l-liġijiet tal-pajjiż fejn tgħix.
Ħielsa mill-biża’ u l-faqar
Biex kull persuna tgħix b’dinjità għandha “tkun ħielsa li temmen dak li tixtieq u tgħid dak li temmen fih u tkun ħielsa mill-biża’ u l-faqar.” M’għandhiex ikollha tagħżel bejn li tkun imjassra b’żaqqha mimlija jew ħielsa b’żaqqha vojta. Biex ngħixu ħajja dinjituża aħna l-bnedmin għandna bżonn li jkollna x’nieklu u nkunu ħielsa.
Id-dinja għanda biżżejjed ġid, biżżejjed avvanz xjentifiku u teknoloġiku li titma’ lin-nies kollha li jgħixu fuq din il-pjaneta, li tfejjaq ħafna mill-mard li jeżisti u teduka lit-tfal kollha.
F’idejn dawk li jmexxu biex jiddeċiedu jekk jużawx l-għerf u l-ġid biex jeħilsu jew jgħasru lin-nies, għall-paċi u għall-prosperità jew għall-gwerra u għall-miżerja. F’idejn iċ-ċittadini li jagħżlu u jappoġġjaw mexxejja bil-għaqal.