Sunday, December 22, 2024

“L-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna ġabet inċertezzi kbar… f’Malta l-instabbiltà kienet minima” 

Aqra wkoll

“L-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna ġabet inċertezzi kbar li f’xi uħud mill-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea inħassu ferm filwaqt li f’oħrajn bħal Malta l-instabbiltà kienet minima.” Dan qalu l-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba f’intervista ma’ talk.mt dwar il-prospetti għas-sena d-dieħla u l-ħidma mwettqu minnu fi ħdan l-Unjoni Ewropea. 

“Is-sena 2023 żgur li se tkun ibbażata sabiex ikomplu jinħolqu aktar postijiet tax-xogħol. Il-previżjonijiet ekonomiċi f’pajjiżna jidhru li se jkunu tajbin għalkemm f’xi żoni tal-UE, il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna qed tħalli r-riperkussjonijiet tagħha.”

“B’xorti ħażina f’xi pajjiżi fl-Unjoni Ewropea hemm inċertezza kbira dwar x’se jkun il-futur ekonomiku tagħhom filwaqt li jrid ikompli jinħoloq ix-xogħol.”

“B’xorti tajba, f’Malta tinsab f’sitwazzjoni aħjar minħabba l-għaqal u x-xogħol fejjiedi li jagħmel il-Gvern Laburista mmexxi tant tajjeb mill-Prim Ministru Dr Robert Abela. L-ekonomija tagħna magħmula minn mudell li ħafna jsaqsuna għalih għax hu wieħed effettiv u li jħalli ħafna qligħ apparti li s-suq tax-xogħol baqa’ prijorita’ ewlenija ta’ dan il-gvern,” qal Dr Agius Saliba.

“Iż-żieda fl-inflazzjoni, il-prezzijiet tal-ikel u tal-enerġija madwar l-Unjoni Ewropea qed jaffettwawna lkoll u aktar lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Ix-xhur li ġejjin se jkunu diffiċli għall-ekonomija tal-Unjoni Ewropea, u se jpoġġu ħafna setturi f’riskju u jżidu l-faqar u l-inugwaljanzi soċjali. Il-pagi mhux se jikbru malajr daqs l-inflazzjoni, u dan ipoġġi lin-nies f’diffikultajiet b’kundizzjonijiet tal-għajxien li sejrin għall-agħar. Sitwazzjoni bħal din teħtieġ rispons bla preċedent mill-baġit tal-Unjoni Ewropea biex jiġu żgurati miżuri ta’ protezzjoni soċjali biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali tal-gwerra fuq iċ-ċittadini tagħna.” 

Alex Agius Saliba spjega wkoll li l-pożizzjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi hija kruċjali f’dan ir-rigward minħabba li dan huwa l-Kumitat fil-Parlament Ewropew li jipproteġi u jiddefendi l-interessi diretti tal-ħaddiema u taċ-ċittadini. Hu qal li huwa konvint li l-programmi u l-istrumenti finanzjarji eżistenti m’għadhomx biżżejjed biex jappoġġjaw lin-nies u li hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet ġodda u baġit tal-Unjoni Ewropea reattiv u li jirrifletti r-realtajiet ta’ madwarna.

“Ninsab kuntent li riċentement, fil-Kumitat tal-Impjiegi, ksibt appoġġ għall-proposta tiegħi li tipproteġi l-impjiegi, il-ħaddiema, iż-żgħażagħ, it-tfal, l-anzjani, u gruppi vulnerabbli oħra affettwati mill-kriżi attwali u l-prezzijiet għoljin tal-enerġija. Xi wħud mill-proposti jistgħu jagħmlu differenza reali, jipproteġu l-impjiegi u l-ġlieda kontra l-qgħad u jippreservaw l-impjiegi u l-introjtu tal-ħaddiema, bħall-Iskema Ewropea ta’ Riassigurazzjoni tal-Qgħad,” qal Alex Agius Saliba.

Il-MEP Alex Agius Saliba rnexxielu wkoll jiżgura sejħa għall-pakkett Ewropew ta’ Reżiljenza Soċjali u fond tal-Unjoni Ewropea għal emerġenzi soċjali għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi sabiex l-Ewropa tkun tista’ tirreaġixxi aktar malajr għal kriżijiet ta’ natura differenti, li qed isiru dejjem aktar multidimensjonali, ibridi u kumplessi.

Agius Saliba hu rapporteur tas-suq tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea u qed isir ħafna xogħol sabiex fis-sitwazzjoni li nħolqot internazzjonalment fil-bidu ta’ din is-sena, ħadd ma jaqa’ lura. Hu anzi sostna li bħala membri parlamentari jaraw li fid-deċiżjonijiet li jittieħdu jintefaq kull ċenteżmu bl-aħjar mod u li jkun fl-interess tan-nies. 

“Wara kollox xogħolna hu li ngħinu ħafna faxex ta’ nies li ma jkunux jinsabu f’pożizzjoni tajba għax kif għedtlek aktar qabel, ħadd m’għandu jibqa’ lura, kulħadd għandu dritt jgħix ħajja komda u fuq kollox b’dinjità.”

“Matul dawn l-aħħar xhur il-ħidma parlamentari tiegħi fi ħdan l-Unjoni Ewropea u anke bħala Viċi-President tas-Soċjalisti Ewropej ma qatgħet xejn. Ħdimna fuq diversi setturi tant importanti li kollha jiffukaw fuq il-ġid komuni tan-nies Ewropej. Fost xi temi li ġew diskussi kien hemm il-protezzjoni tad-data, il-kwistjoni tas-cyber bullying, ir-riformi kbar li qed isiru fil-qasam teknoloġiku u l-avvanz fl-intelliġenza artifiċjali.” 

Agius Saliba jemmen ħafna fil-koordinazzjoni ma’ diversi entitajiet u għaqdiet sabiex ikun hemm konsultazzjoni wiesgħa u eventwalment joħroġ il-prodott finali. Hu semma’ kif irnexxielu jniedi policy paper li hu twil 60 faċċata u li fih hemm spjegat fid-dettall dak kollu li se jkun qed jitwettaq fil-prattika. Hu qal li kellu ħidma sfiqa fil-preparamenti ta’ dan id-dokument fejn ħadem bir-reqqa sabiex jinkludi kull dettall. 

“Se nkunu qed nieħdu vot fuq l-entitajiet kritiċi. Meta ngħid entitajiet kritiċi qed infisser dawk is-servizzi li ma nistgħux ngħaddu mingħajrhom fosthom il-Power Station, ċerti stabbilimenti bażiċi iżda importanti, l-isptarijiet u bosta postijiet oħra li huma essenzjali”

“Iddiskutejna wkoll diversi temi oħra importanti fosthom il-protezzjoni tal-minorenni speċjalment f’din l-era diġitali li qed ngħixu fiha. Qbilna li għandu jkun hemm bilanċ importanti f’dan ir-rigward iżda qatt m’għandna nuru ħniena lejn dawk l-individwi li jxerrdu materjal pornografiku fejn ikun hemm involuti t-tfal. Qed naħdmu sabiex jiħraxu aktar ir-regoli f’din li qed issir dejjem aktar teknoloġika u fejn minkejja li għandna ħafna vantaġġi b’din l-invenzjoni, b’xorti ħażina hemm min jużah ħażin.”

Temi oħra li qed jiġu diskussi fi ħdan l-Unjoni Ewropea huma d-direttivi dwar l-emissjonijiet industrijali. Hu qal li dawn l-istess industriji jridu jkunu aktar sostenibbli filwaqt li jagħtu kas tal-ambjent li tant hu ċentrali fil-ħajja tal-bniedem. 

Ekonomija

Sport