Wednesday, April 24, 2024

MIN JIRBAĦ FI GWERRA?

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Darba, ilu ħafna, waqt kriżi kbira bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Sovjetika ta’ dak iż-żmien, ħabib tiegħi staqsieni: Imma kieku minflok isostnu l-possibiltà ta’ gwerra nukleari, jew anke ta’ gwerra dinjija li ma tkunx nukleari, naħa jew oħra taċċetta li ċċedi kollox lin-naħa opposta? – u din allura tieħu f’idha kollox? X’jiġri b’hekk? Ir-“rebbieħ” se jibqa’ jgħakkes lil min ċeda? U x’se jieħu b’hekk?

Ma sarx kif donnu ried ifisser hu. Ħadd ma ċeda u komplejna  għal deċennji bit-theddida ta’ gwerra li madankollu baqgħet bierda. Imma t-tifsira ta’ kliemu kienet interessanti. Ried jgħid li fi gwerra totali fuq skala dinjija meta naħa tiddomina fuq l-oħra, se ssib li “r-rebħa” bidlet kollox b’mod li kollox ikollu jibqa’ l-istess.

Biss, il-problema hi li ħafna gwerrer isiru għal għanijiet limitati. Min jirbaħhom irid jakkwista dak li daħal jiġġieled għalih. Ir-rebħa hi waħda b’konsegwenzi limitati li r-rebbieħ jista’ jikkontrolla u li jqishom bħala ta’ gwadann għalih.

DEMOKRAZIJA, ABBUŻI

L-argument awtoritarju dwar il-governanza hu li d-demokrazija tippromwovi abbużi li ma jistgħux jiġu kontrollati għax il-membri ta’ gvern demokratiku isibu ruħhom taħt theddida ma taqta’ xejn. Jekk jikkontrollaw l-abbużi, jitilfu l-voti. Ta’ spiss, politikanti li jinsabu fuq naħat opposti tal-medda politika jispiċċaw jikkompetu bejniethom għall-appoġġ elettorali skont kemm l-aktar iwegħdu li se jagħlqu għajnejhom għall-abbużi.

Li dil-ħaġa tiġri hu minnu. Imma l-argument ma jridx jintuża b’mod esaġerat. Għax f’sistema awtoritarja wkoll l-abbużi ta’ spiss ifuru. Igawdu minnhom il-bażużli u dawk qrib tal-poter awtoritarju, li jkollu bżonn tal-appoġġ inkundizzjonat tagħhom biex jibqa’ jmexxi.

JAQBEL, MA JAQBILX   

Fix-xhur li ġejjin se jibqgħu jitqanqlu argumenti dwar il-ħtieġa li kemm jista’ jkun, fuq għadd ta’ kwistjonijiet, l-Unjoni Ewropea tibdel minn sistema ta’ deċiżjonijiet ibbażati fuq l-unanimità għal waħda ta’ maġġoranza hekk imsejħa “kwalifikata”. 

Mhux kull ħaġa f’bidla hekk tmur kontra l-interess nazzjonali Malti. Pereżempju, jekk ir-regola tal-unanimiità tinbidel, dwar l-immigrazzjoni l-Ewropa kien ikollha arranġament li jkun jaqbel aktar mal-interessi tagħna. Imma f’każi oħra, dan ma jreġix; bħal fil-mod kif l-Unjoni Ewropea jkollha dritt tindaħal dwar it-tmexxija mill-istati membri tat-taxxi tagħhom. U hemm oqsma oħra.

Jekk tgħodd kollox ma’ kollox, jibqa’ li l-fatt li mhuwiex fl-interess ta’ pajjiżna li dir-regola ta’ maġġoranza kwalifikata tingħata s-saħħa. Apparti minn hekk, kif rajt fil-Parlament Ewropew fl-aħħar snin, meta l-vuċijiet tal-membri kollha jiġu magħduda, jekk ma jkunx hemm xi lqugħ, dejjem tgħaddi ta’ maġġoranza fejn naturalment jiddominaw l-ilħna tal-pajjiżi l-kbar. 

Sport