Saturday, June 6, 2026

Manuel Caruana … Tarxien Rainbows mhuwiex biss il-klabb il-ġdid tiegħu … huwa daru

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Ftit huma dawk il-persuni fil-futbol Malti li jistgħu jgħidu li qattgħu kważi ħajjithom kollha marbuta ma’ klabb wieħed. Għal Manuel Caruana, Tarxien Rainbows mhuwiex biss klabb tal-futbol, iżda parti mill-identità tiegħu.

Għalhekk ma kinitx sorpriża kbira li, wara snin ta’ esperjenza bħala plejer u kowċ, huwa ddeċieda li jirritorna lejn il-klabb ta’ raħal twelidu biex jibda kapitlu ġdid fil-karriera tiegħu wara perjodu jmexxi lil Pieta’ Hotspurs fil-BOV Challenge League.

Caruana twieled fis-17 ta’ Frar 1985 u kellu karriera twila u rispettata bħala difensur. Huwa ddebutta fil-futbol kompetittiv meta kellu biss 16-il sena u matul il-karriera tiegħu lagħab aktar minn 400 partita uffiċjali.

Kien magħruf għall-konsistenza tiegħu, il-professjonalità u l-mentalità ta’ mexxej li dejjem ġab miegħu fil-grawnd.

Wara li rtira mill-futbol attiv fl-2021, Caruana ddedika ruħu kompletament għall-kowċing. Huwa beda l-karriera tiegħu bħala kowċ ma’ St George’s qabel kompla ma’ Mtarfa FC. Aktar tard ingħaqad ma’ Pietà Hotspurs, fejn qatta’ tliet snin importanti ħafna fil-formazzjoni tiegħu bħala kowċ.

Issa, però, il-vjaġġ tiegħu wasslu lura lejn Tarxien Rainbows.

“Meta tlaqt minn ma’ Tarxien għaxar snin ilu, qatt ma ħsibt li xi darba kont se nirritorna,” qal Caruana. “Jiena Tarxiniż u ilni marbut ma’ dan il-klabb minn meta kont tifel.

Fil-fatt kont qattajt madwar 25 sena marbut ma’ Tarxien qabel tlaqt. Għalhekk meta ġiet l-opportunità li nerġa’ lura, kienet xi ħaġa speċjali ħafna għalija.”

Id-deċiżjoni ma kinitx waħda faċli, speċjalment meta wieħed iqis il-ħidma li kien qed jagħmel ma’ Pietà Hotspurs. Madankollu, Caruana ħass li kien wasal iż-żmien għal dan il-pass ġdid.

“Ma’ Pietà qattajt tliet snin sbieħ immens. Kienu snin li ffurmawni bħala kowċ u li minnhom tgħallimt ħafna. Nixtieq nirringrazzja lill-plejers, lill-kumitat u lil kull min kien involut fil-klabb. Se nibqa’ grat lejhom għax tawni l-opportunità nikber professjonalment.”

Huwa kompla jgħid li kull esperjenza fil-futbol tħallik b’xi ħaġa pożittiva.

“Il-futbol jgħallmek ħafna. Kuljum titgħallem xi ħaġa ġdida. Matul dawn it-tliet snin żviluppajt aktar l-għarfien tiegħi u żdiedli l-aptit biex inkompli nitjieb bħala kowċ. Dejjem nipprova nsir verżjoni aħjar tiegħi nnifsi.”

Meta Tarxien Rainbows avviċinawh, l-affarijiet seħħew malajr.

“Tarxien kienu fost l-ewwel li wrew interess fija. Meta tkellimna rajt li hemm proġett sabiħ u serju. Rajt nies li jridu jaħdmu għall-ġid tal-klabb u li għandhom viżjoni ċara għal fejn iridu jwasslu lit-tim. Dak il-fatt għoġobni ħafna.”

L-entużjażmu tiegħu għall-proġett il-ġdid jinħass f’kull kelma.

“Qed inħares lejn din l-isfida b’ottimiżmu kbir. Irridu nibnu tim ġdid, nagħtu opportunitajiet lil xi plejers mit-timijiet taż-żgħażagħ u noħolqu ambjent fejn kulħadd ikun motivat biex jagħti l-aħjar tiegħu. Nemmen ħafna fl-importanza tas-settur taż-żgħażagħ u nixtieq nara aktar żgħażagħ jagħmlu l-pass lejn l-ewwel tim.”

Caruana jaf li r-ritorn tiegħu qed joħloq entużjażmu fost il-partitarji tar-Rainbows, iżda jibqa’ b’saqajh mal-art. Huwa jemmen li l-appoġġ tal-komunità ta’ Tarxien jista’ jkun element kruċjali għall-progress tal-klabb, speċjalment fi żmien meta l-għaqda bejn il-players, il-kumitat u l-partitarji tista’ tagħmel differenza kbira fit-triq lejn is-suċċess.

Caruana jemmen ukoll li l-faċilitajiet tal-klabb jistgħu jkunu fattur importanti għas-suċċess fil-futur.

“Il-klabb qed jagħmel xogħol importanti fuq il-grawnd u fuq aspetti oħra tal-infrastruttura. Dawn huma affarijiet li forsi mhux dejjem jidhru minn barra, iżda huma essenzjali biex klabb ikompli javvanza. Meta tara dawn l-affarijiet iseħħu, ikollok aktar fiduċja fil-proġett.”

Għalih, iżda, hemm aspett li jmur lil hinn mir-riżultati u mill-proġetti.

“Tarxien mhuwiex klabb normali għalija anzi hu aktar minn hekk. Hawnhekk trabbejt u hawnhekk għext ħafna mill-isbaħ mumenti tal-karriera tiegħi. Onestament inħossni qisni sejjer lura d-dar. Din hija kwistjoni tal-qalb.”

Naturalment, il-partitarji ta’ Tarxien qed jistennew ħafna minn dan ir-ritorn, iżda Caruana jidher li jaf sew ir-responsabbiltà li ġġib magħha.

“Meta tkun fi klabb bħal Tarxien dejjem ikun hemm stennija kbira. Dan huwa normali. L-importanti hu li naħdmu pass pass u nibnu xi ħaġa soda. Irridu nkunu kompetittivi u noħolqu identità ċara għat-tim.”

Huwa jaf ukoll li s-suċċess ma jasalx mil-lum għal għada.

“M’hemmx sitwazzjoni fil-futbol li fiha tista’ tirrilassa . Trid taħdem kuljum, tkun konsistenti u tibqa’ temmen fil-proċess. Jiena lest nagħti l-massimu tiegħi biex ngħin lil Tarxien jilħaq l-għanijiet tiegħu.”

Hekk kif jibda dan il-kapitlu ġdid, Manuel Caruana jidher motivat aktar minn qatt qabel. Wara snin ta’ esperjenza bħala plejer u kowċ, issa qed jirritorna fil-post fejn beda kollox.

“Jiena grat għal dak kollu li għaddejt minnu sa issa, iżda fil-futbol trid dejjem tħares ’il quddiem. Din hija avventura ġdida u eċċitanti. Ninsab ħerqan biex nibda naħdem u nagħti l-kontribut tiegħi lill-klabb li tant ifisser għalija.”

U għal Caruana, il-messaġġ huwa wieħed ċar: Tarxien Rainbows mhuwiex biss il-klabb il-ġdid tiegħu. Huwa daru!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport