Settur li kien, għadu u se jibqa’ wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija ta’ pajjiżna huwa t-turiżmu. Settur li l-Gvern qiegħed jinvesti fih bla preċedent u r-riżultati diġà bdew jidhru b’mod pożittiv. Dawn ir-riżultati ma jinkisbux waħedhom. Iżda permezz ta’ ħidma kontinwa minn dawk kollha involuti f’dan is-settur.
Għalhekk huwa kruċjali li l-oqsma kollha li jirrikjedi dan is-settur ikunu msaħħa u aġġornati biex ikunu mħejjija għad-domanda tal-mument. Iċ-ċifri juri li t-turiżmu qed jikupru b’ritmu mgħaġġel wara sentejn fil-limbu kaġun tal-pandemija tal-Covid-19.
Tajjeb ninnutaw ukoll li d-diversifikazzjoni li qed issir sabiex it-turiżmu lejn pajjiżna ma jibqax biss għall-istaġun tas-sajf imma jiffjorixxi wkoll matul ix-xhur tax-xitwa. Dan jista’ jsir għaliex pajjiżna għandu attrazzjonijiet għal kwalunkwe perjodu tas-sena.
Huwa ta’ min ifaħħar l-attivitajiet li jsiru mill-entitajiet tal-istat kif ukoll minn dawk privati li jkattru l-kultura Maltija li tista’ wkoll tattira aktar turisti lejn il-gżejjer Maltin.
L-importanza kbira tat-turiżmu hija riflessa wkoll fl-għadd sostanzjali ta’ impjiegi li toffri li kulma jmur qegħdin aktar jiżdiedu. F’dan il-kuntest iżda ma nistgħux ma nirrimarkawx dwar il-ħtieġa li aktar żgħażagħ Maltin jidħlu għal karriera f’dan is-settur għaliex jekk ma jsirx hekk dawn l-impjiegi jibqgħu jimtlew minn persuni barranin.
Milli qed naraw, qed nifhmu aktar l-importanza li qed tingħata lil dan is-settur tant li fil-ġimgħat li għaddew bdew ix-xogħlijiet fuq il-kampus il-ġdid tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) fi Smart City, il-Kalkara. Dan juri wkoll l-impenn tal-Gvern biex ikompli jtejjeb l-infrastruttura edukattiva ta’ pajjiżna.
Dan se jkun qed isir f’ambjent aktar adattat ta’ tagħlim li għandu jwassal għal iktar ħiliet tant meħtieġa biex dan is-settur ikompli jtejjeb il-kwalità li diġà għandu, li jħalli isem tajjeb ma’ min jiġi jżur dawn il-gżejjer.
Nemmnu li dan il-kampus se jkun wieħed mill-ħafna investimenti li għandhom l-għan li jkomplu jsaħħu l-infrastruttura tal-industrija turistika Maltija li finalment igawdi minnha kulħadd.