Monday, May 13, 2024

L-investiment fil-qasam sportiv

Aqra wkoll

Is-settur sportiv f’dawn l-aħħar snin kompla jingħata spinta b’investiment qawwi wieħed wara l-ieħor mhux biss f’dawk li huma faċilitajiet iżda wkoll fl-atleti ta’ dixxiplini differenti nfushom. L-inawgurazzjoni ta’ faċilità oħra fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa hi okkażjoni oħra li minnha se tkompli tgawdi l-komunità sportiva.

Dan kollu mistenni jżid l-entużjażmu tal-isportivi Maltin aktar u aktar waar s-suċċessi li pajjiżna kiseb f’avvenimenti internazzjonali bħalma huma l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li ħafna minnhom irnexxielhom jiksbu midalja li mhux biss kienet ta’ unur għalihom imma wkoll għal pajjiżna.

Pero’ kulħadd irid iżomm f’rasu li dan il-legat ta’ suċċess m’għandux jieqaf mal-għeluq ta’ xi attivita’ sportiva internazzjonali jew xi attivita’ oħra. Minkejja dawn is-suċċessi li pajjiiżna kiseb f’varji dixxiplini ma nistgħux ninjoraw li hemm dixxiplini oħra li għalkemm ma tantx jissemmew imma huma importanti.

Il-proġett li ġie inawgurat ilbieraħ huwa ieħor minn kullana ta’ proġetti ta’ infrastruttura sportiva li qed isiru madwar il-gżejjer Maltin, bħala parti minn viżjoni ambizzjuża li qiegħda titwettaq. Dawk id-dixxiplini li diġa’ mxew ‘il quddiem irridu nibqgħu nsostnuhom u nsaħħuhom, madankollu rridu nagħmlu sforzi akbar bħala pajjiż biex fejn aħna batuti nipprovaw intejbu dawn id-dixxiplini sportivi.

Il-fatt li ġiet inawgurata mill-Prim Ministru fażi oħra ta’ dan il-proġett, li se tikkonsisti f’padiljun modern għall-ġinnastika fost dixxiplini oħra, huwa xhieda ta’ kemm il-Gvern preżenti qed jagħti importanza lil dan is-settur. Mhux biss, imma wkoll bl-investiment kontinwu li qed jiġi ddedikat għall-attivitajiet sportivi f’Malta.

Quddiem dan kollu, minkejja ċ-ċokon u l-limitazzjonijiet ta’ pajjiżna, nemmnu li nistgħu navvanzaw aktar u ntejbu l-ħiliet tagħna biex b’hekk inkomplu nikkompetu b’aktar suċċessi ma’ pajjiżi oħra, almenu d-daqs tagħna. Għalhekk aħna nemmnu li investiment bħal dan għandu jqawwi qalb l-isportivi Maltin u b’hekk ikunu inkoraġġiti li jaħdmu u jitħarrġu aktar biex pajjiżna jikseb aktar suċċessi milli diġa’ kiseb.

F’dan il-kuntest nemmnu wkoll li l-poplu għandu jibqa jappoġġa kull investiment li jsir f’dan il-qasam u fl-atleti tagħna huma ta’ liema dixxiplina huma.

Sport