Wednesday, July 24, 2024

Kampjonat Premier: Hibernians ostaklu diffiċli għal Hamrun Spartans?

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Fi tmiem din il-ġimgħa tintlagħab l-aħħar ġurnata tal-ewwel round tal-BOV Kamponat Premier bl-aktar partita li tispikka tkun dik bejn Hibernians u Hamrun Spartans.

Bosta mil-logħbiet l-oħra huma bejn dawk it-timijiet ta’ fuq u dawk fin-naħa t’isfel tal-klassifika.

Floriana, Sliema Wanderers, Birkirkara u Naxxar Lions jilagħbu kontra Gzira United, Sirens, Sta Lucia  u Mosta rispettivament li jinsabu fiż-żona tar-relegazzoni.

Imbagħad, il-partita bejn Gudja United u Valletta tista’ titqies bħala waħda diretta minħabba li d-differenza ta’ punti bejn dawn iż-żewġ timijiet hija dik ta’ ħamsa.

Hibernians v Hamrun S. – Friski mir-rebħa ta’ 1-0 fuq Floriana, Hamrun Spartans jiltaqgħu kontra Hibernians li għandhom bżonn il-punti biex jidħlu fiż-żona Ewropea.

Bla dubju, dan huwa ostaklu mill-aktar diffiċli għall-Ispartans li ma jistgħux jitilfu biex jagħlqu l-ewwel round fil-quċċata li jistgħu jkunu qed jaqsmu ma’ Floriana.

Il-Ħamruniżi mistennija jinżlu bl-istess formaz­zjoni li għelbet lil Floria­na għalkemm wieħed irid jistqarr li Hamrun ma kienux l-aħjar team f’dan il-konfront. 

Peró, dak kollu li importa kien ir-rebħ tat-tliet punti.

Min-naħa ta’ Hibernians, se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiż Ferdinando Apap li tkeċċa fid-draw ta’ 1-1 kontra Marsaxlokk.

Dan minbarra li l-goalkeeper, Ibrahim Kone, jin­sab fl-Ivory Coast jirrappre­żenta lil pajjiżu, Guinea, fit-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani.

Floriana v Gzira U. – il-ko-leaders Floriana jridu jinsew id-diżappunt tat-telfa ta’ 1-0 kontra Hamrun Spartans u jixħtu l-attenzjoni tagħhom fuq Gzira Uni­ted li proprju nhar it-Tlieta li għadda ħabbru li nfirdu minn mal-coach, Darren Abdilla, wara servizz ta’ 152 partita fl-ogħla diviżjoni liema vjaġġ beda nhar fid-19 ta’ Novembru, 2016, fit-telfa ta’ 1-0 kontra Tarxien Rainbows.

Fl-2019-20 huwa ngħaqad ma’ Valletta iżda fl-istaġun sussegwenti reġa’ ssieħeb mal-Maroons.

Għaldaqstant, l-assistant coach, Andrew Cohen, se jassumi r-responsabbiltajiet ta’ coach għal din il-partita.

Il-Gżirjani ġejjin minn erba’ telfiet konsekuttivi u jridu jirriorganizzaw biex jevitaw l-għarqa.

Min-naħa tagħhom, il-Greens jinżlu bħal iljuni biex jirritornaw għar-rebħ u jżommu l-pass mal-Ħamruniżi.

Gzira se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Lucas Ribeiro De Oliveira minn sospensjoni.

Sirens v Sliema W. – Sliema Wanderers jibdew favoriti netti meta jiltaqgħu kontra Sirens li jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika.

Bħalissa l-Wanderers jin­sabu għaddejjin minn sensiela pożittiva hekk kif ġej­jin minn erba’ rebħiet infila u jridu jżommu l-pres­sjoni fuq Floriana u Hamrun Spartans meta jinsabu b’distakk ta’ erba’ punti.

Filwaqt li rebħa ssaħħaħ it-tielet post għas-Slimiżi fl-isfida tagħhom biex jikkwalifikaw għal kompetizzjoni Ewropea wara nuqqas ta’ 10 snin.

Telfa għal Sirens tkompli taralhom it-tamiet imutu biex staġun ieħor ji­lagħbu fl-ogħla diviżjoni wara ħamsa konsekuttivi.

Birkirkara v Sta Lucia – Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li ġejjin minn rebħa identika ta’ 2-1 … Birkirkara fuq Sirens u Sta Lucia fuq Gzira United.

B’din ir-rebħa, il-Luċjani fetħu beraħ it-taqtiegħa għas-salvazzjoni fejn hemm total ta’ sitt timijiet li minnhom iridu jsalvaw tnejn, inklużi Gzira United, Valletta u Mosta.

F’dan l-istadju wieħed irid ikollu punti biżżejjed biex ma jinqabadx fin-naħa t’isfel tal-klassifika.

Bla dubju, il-Karkari­żi jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti iżda jridu juru rispett lill-avversarji tagħ­­hom li kapaċi jqumu għall-okkażjoni.

Filwaqt li Sta Lucia se jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli, Birkirkara ma jistgħux jutilizzaw lis-sospiż Paul Mbong.

Balzan v Marsaxlokk – Dan huwa konfront bilanċjat li jista’ jmur kull naħa bil-pressjoni kollha tinsab fuq Balzan li għandhom bżonn il-punti biex ma jinqabdux fin-naħa t’isfel tal-klassifika.

Rebħa għal Balzanin ikun ifisser li jilħqu lill-is­tess Marsaxlokk u fejn jistgħu jibdew jemmnu wkoll li jistgħu jisfidaw għal post fiż-żona Ewropa hekk kif ninsabu f’nofs triq tal-kampjonat.

Peró, telfa tkun tfisser li prattikament jitilfu l-kuntatt mat-timijiet ta’ fuq.

Iż-żewġ timijiet m’għandhomx problemi ta’ players neqsin.

Gudja U. v Valletta – Dan il-konfront huwa finali bejn żewġ timijiet li jinsabu fiż- żona l-ħamra.

Rebħa għal Valletta tkun pass importanti lejn is-salvazzjoni hekk kif jiftħu tmien punti fuq Gudja Uni­ted. 

Iżda jekk dawn tal-aħħar jiksbu t-tliet punti jkun ifisser aktar inkwiet għall-Beltin.

L-uniku player nieqes hu­wa Walter Omar Serrano ta’ Gudja United għax jinsab sospiż. 

Naxxar L. v Mosta – Din hija partita bejn il-ġirien u filwaqt li Naxxar Lions jinsabu f’żona komda, xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji ta’ Mosta li ilhom ma jiskorjaw għal dawn l-aħħar sitt partiti u jinsabu fiż-żona tar-relegazzjoni.

In-Naxxarin se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tas-sospiż William.

Ekonomija

Sport