Friday, December 13, 2024

L-investimenti bbażati fuq il-metaverse fost is-setturi ekonomiċi ġodda proposti mill-PN

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech indirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn qal li Gvern ġdid immexxi minnu se jkun qed jalloka €1 biljun biex jinħolqu 10 setturi ekonomiċi ġodda. 

Fost dawn is-setturi hemm l-investimenti bbażati fuq il-metaverse, servizz ta’ compliance u due-diligence, manifattura speċjalizzata avvanzata, l-ipprintjar 3D, applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali, l-e-Sports u produzzjoni ta’ video games, li tissaħħaħ u titwessa’ l-industrija tal-isports u tingħaqad mal-aspett mediku u turistiku, kif ukoll ikun hemm tisħiħ tas-settur tal-enerġija u l-intrapriżi soċjali. 

Dwar il-fond ta’ €1 biljun, Dr Grech qal li se jipprovduh billi nofsu jiġi mħallas minn fondi pubbliċi anke ‘permezz ta’ depożiti li bħalissa huma reqdin f’istituzzjonijiet finanzjarji.’ Qal li n-nofs l-ieħor se jiġi ġġenerat permezz ta’ self li jeżisti għall-iżvilupp ekonomiku minn istituzzjonijiet lokali u barranin.

Huwa qal ukoll li Gvern ġdid immexxi minnu jwiegħed li t-taxxi kollha u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li akkumulaw matul il-pandemija minħabba d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom diversi negozji, dawn jitħallsu fuq perjodu ta’ tmien snin. 

Proposta oħra tal-PN tirrigwardja l-membri tal-Korpi Dixxiplinati. Dr Grech qal li “dawk il-persuni li jidhrilhom u jixtiequ jkomplu jagħtu servizz lil dan in-nazzjon jistgħu jibqgħu jaħdmu. Jibqgħu fil-Korp li jkunu qed iservu imma barra li jieħdu l-paga iknu qegħdin ukoll jieħdu mill-ewwel il-pensjoni tas-servizz li huma intitolati għaliha.”

Huwa qal ukoll li Gvern ġdid immexxi minnu jrodd lura dak li nsteraq lilek, filwaqt li jtejjeb inċentivi għal dawk kollha li jagħżl l-isport bħala l-karriera tagħhom. 

Dwar din tal-aħħar, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li: “dan irridu nagħmluh billi nipprovdulhom rata ta’ taxxa ta’ 5% fuq l-ewwel €80,000. Dawk il-persuni kollha reġistrati bħala plejers, atleti, mużiċisti, artisti, kowċis jew instructors fl-istess dixxiplini. Għax jidhrilna li parti integrali mill-edukazzjoni, mill-formazzjoni ta’ kull individwu u ċittadin Maltin hemm ukoll l-isport u l-kultura.”

Ekonomija

Sport