Wednesday, December 25, 2024

L-Investimenti fis-sistema tad-distribuzzjoni jagħtu l-ewwel riżultati

Aqra wkoll

Fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena, l-Enemalta investiet aktar minn 11-il miljun mill-15-il miljun ewro allokati din is-sena għat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Waqt li mxiet mal-pjan u f’ċerti oqsma qabżet il-miri stabbiliti għal din is-sena, rat ukoll l-ewwel riżultati ta’ dan l-investiment bi tnaqqis ta’ 34 fil-mija ta’ qtugħ tad-dawl li kien hemm dan is-sajf meta mqabbel mas-sajf tas-sena l-oħra.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Jonathan Cardona li żied jgħid li jonqos ħafna iżjed xi jsir biex jitwettaq il-pjan ta’ €90 miljun ewro fuq medda ta’ sitt snin.

“Huwa ta’ sodisfazzjon u grazzi għad-determinazzjoni tal-ħaddiema tagħna li l-miri tal-pjan għal din is-sena diġà nqabżu. Ir-riżultati bdew jidhru għaliex bejn Ġunju sal-bidu ta’ Settembru kellna tnaqqis ta’ 34 fil-mija fil-qtugħ tad-dawl fuq is-sistema ta’ vultaġġ medju. L-impenn tagħna huwa li nagħtu servizz dejjem aħjar bi provvista aktar stabbli lill-klijenti tagħna, sew familji kif ukoll negozji.”

Iċ-Chairman tal-Enemalta l-Inġ. Ryan Fava qal li bix-xogħol li sar u bir-riżultati li nkisbu, tjieb is-servizz lill-klijenti u l-Enemalta hija mpenjata bis-sħiħ biex tissokta b’dan il-pjan ta’ tisħiħ fl-interess kemm tal-konsumaturi kif ukoll tal-ekonomija tal-pajjiż.

L-Inġ.Fava semma li din is-sena r-rekords tad-domanda nqabżu aktar minn darba. L-ogħla domanda għall-elettriku matul il-ġurnata kienet fis-7 ta’ Lulju meta d-domanda kienet ta’ 581 megawatts. Kellna mbagħad rekord ieħor fis-17 t’Awwissu meta d-domanda filgħaxija laħqet 542 megawatts. Dan ifisser żieda ta’ 2.8 u 5.6 fil-mija rispettivament fuq id-domanda rekord tas-sena l-oħra.

Id-Direttur Eżekuttiv għall-Proġetti u Distribuzzjoni, l-Inġinier Steve Farrugia ta’
rendikont dettaljat tad-diversi interventi li saru fl-aħħar tmien xhur. Semma kif saru upgrades fit-tliet ċentri tad-distribuzzjoni f’Ħal Tarxien, Marsascala u l-Imrieħel.

L-Inġinier Farrugia qal li saru 29 mill-40 substation ippjanati għal din sena f’diversi
lokalitajiet. Spjega l-importanza tagħhom fis-sistema tad-distribuzzjoni kemm għall-klijenti eżistenti kif ukoll għall-klijenti futuri biex ilaħħqu mad-domanda li dejjem qed tiżdied.

“Dan huwa network ħaj li kontinwament qed jikber anke minħabba l-iżvilupp ekonomiku u soċjali li jkun qed iseħħ fil-pajjiż. Għalhekk huwa essenzjali li din is-sistema jkollha manutenzjoni u msaħħa kontinwament għaliex jekk le, l-infrastruttura tal-elettriku taqa’ lura, u jiżdiedu d-diffikultajiet għall-klijenti
tagħna.”

L-Inġinier Farrugia qal li bil-programm tax-xogħlijiet li sar inbiddel is-switchgear u
transformers fi 12-il substation biex kibret il-kapaċità tagħhom kif ukoll biex ikunu
attrezzati b’tagħmir modern li jippermetti remote switching ħalli f’każ ta’ ħsarat il-provvista tal-elettriku tkun tista’ tingħata f’inqas ħin mill-control room tal-Enemalta saħansitra qabel imorru t-tekniċi biex jagħmlu t-tiswijiet.

Ekonomija

Sport