Saturday, December 21, 2024

L-IPOKREŻIJA F’PAJJIŻ ĊKEJKEN

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’pajjiż ċkejken, kitibli ħabib minn barra, donnu biex ifarraġni, bilfors li l-ipokreżija tispiċċa għodda soċjali indispensabbli biex tingħex il-ħajja f’komunità. Kulħadd wara kollox japplika regoli doppji jekk mhux tripli u aktar, skont hux għalih, għal ħbiebu jew għal min jikkompetilu. 

F’soċjetà kbira bin-nies tgħix f’distanza minn xulxin, kif ir-regoli jitħaddmu b’mod differenti ma jagħtix fil-għajn. Fuq numru kbir, regola ta’ wieħed tinnewtralizza r-regola tal-ieħor. Imma meta tgħix qrib ma’ ħaddieħor, aktar minn rabta waħda se tgħaqqad lill-istess proxxmu – xogħol, delizzju, familja, knisja, partit politiku… Allura t-taħwida f’kif individwu japplika regoli ta’ imġiba differenti skont lejn min, issir lampanti.

Ħaġa bħal din malajr tista’ twassal għal gwerra ċivili. Biex ma jiġrix hekk, hu meħtieġ iż-żejt tal-ipokreżija, fejn kulħadd jippretendi li l-affarijiet huma differenti milli filfatt ikunu. Għalhekk ukoll tiffjorixxi l-kultura ta’ ħokkli dahri ħalli nħokklok tiegħek.

Irringrazzjajt bil-pulit lil dal-ħabib tal-faraġ li bla ma tlabtu, għoġbu joffrili.  

GĦALL-ĠUDIKATURA…

Qed isir ħafna diskors dwar regoli ta’ etika li japplikaw għall-politikanti, mixlija kollha kemm huma bħas-soltu, b’elf dnub, minnhom jew le. Li jgħaġġibni hu kif l-istess diskussjonijiet ma jqumux dwar fergħat oħra tal-ħidma statali, bħal per eżempju dwar il-ġudikatura.

Jew inkella meta tqum diskussjoni bħal din, tibqa’ kważi fl-astratt. L-aktar li tkellem miegħi b’mod konkret dwar dan l-aspett, u mhux eżattament dwar l-etika, kien imħallef anzjan, illum mejjet, li b’dispjaċir irrakkonta kif fi “żmienu” l-ġudikanti ma kienu jattendu l-ebda riċeviment, mhux għall-galbu biss, imma b’sens ta’ prudenza biex ma jagħtu l-ebda impressjoni li b’xi mod jistgħu jiġu influwenzati minn xi ħadd.

Se jkun hemm min jgħid: Xi forma ta’ kodiċi ta’ etika għall-ġudikatura jeżisti! Jekk hu hekk, tajjeb li ssir diskussjoni publika dwaru.

GĦANDNA BŻONNHOM?

U la ġiet għar-regoli, wieħed ma jistax iwarrab il-mistoqsija dwar jekk għandniex bżonnhom. Effettivament fl-aħħar tletin/erbgħin sena waħda mill-akbar kwistjonijiet dwar it-tmexxija ekonomika kienet tirrigwarda kemm għandhom jinżammu regoli u kemm għandhom jitneħħew.

Id-deċiżjonijiet dwar hekk marru ċaqlembuta skont il-moda politika taż-żmien li jkun. Fi żmien il-president Ronald Reagan, l-għajta biex ir-regoli jitneħħew kemm jista’ jkun kienet qawwija. Baqgħet titqawwa matul is-snin. Imbagħad kien hemm il-kraxx finanzjarju tas-snin 2008 – 2010 u l-pendlu reġa’ mar lejn il-ħolqien ta’ aktar u aktar regoli ta’ tmexxija, speċjalment fl-Ewropa.

Barra minn hekk bdew deħlin esiġenzi soċjali (bħal dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi) u ambjentali (mhux l-anqas dwar il-bidla fil-klima) li taw spinta ġdida liċ-ċaqlieqa lejn aktar u aktar regoli. 

Ekonomija

Sport