Sunday, July 26, 2026
Home Internazzjonali L-Iran: Għaxar persuni jitilfu ħajjithom wara li ġġarrfet binja ta’ għaxar sulari

L-Iran: Għaxar persuni jitilfu ħajjithom wara li ġġarrfet binja ta’ għaxar sulari

0
736

Għaxar persuni tilfu ħajjithom filwaqt li għexieren sofrew ġrieħi hekk kif binja li kienet għadha mhix kompluta ġġarrfet fil-Lbiċ tal-Iran. 

Numru kbir ta’ ħaddiema tas-salvataġġ damu sigħat sħaħ jaħdmu bil-għan li jsalvaw lil dawk li nqabdu qalb it-tifrik tal-istruttura li kien fiha għaxar sulari. Il-każ seħħ f’Abadan fi struttura li kienet intiża li tintuża bħala uffiċini. 

Ritratti u filmati li ġew imxerrda fuq il-midja internazzjonali kienu juru li kawża ta’ dan it-tiġrif numru ta’ vetturi li kien hemm ipparkjati qrib il-binja ġarrbu wkoll ħsarat estensivi. 

Min-naħa tagħhom, l-uffiċjali qalu li l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin, filwaqt li kemm il-proprjetaru tal-binja kif ukoll il-kuntrattur ġew arrestati. 

Il-midja Iranjana rrapportat li s-sulari t’isfel ta’ din il-binja kienu nfetħu ftit ilu u kienu qed jiġu użati fl-istess waqt li l-bini fuq is-sulari ta’ fuq kien għadu għaddej. Fil-ħin li seħħ dan id-diżastru kien hemm numru ta’ persuni li sfaw maqbuda fil-bini u fortunatament ħafna minnhom ġew salvati u ttieħdu l-isptar. 

Sfortunatament dan mhux l-ewwel każ ta’ skala kbira li seħħ ġewwa l-Iran, hekk kif fl-2017 minn tal-inqas 20 persuna kienu tilfu ħajjithom fi struttura li ħadet in-nar u ġġarrfet.