Friday, November 15, 2024

L-Iran jarrestaw player tat-team nazzjonali

Aqra wkoll

Il-forzi tas-sigurtà Iranjani arrestaw player tat-team nazzjonali talli kkritika lill-gvern dwar it-trażżin tal-protesti li ħakmu lir-Repubblika Iżlamika għal xhur sħaħ.

Voria Ghafouri, li tneħħa mill-iskwadra nazzjonali tal-Iran qabel it-Tazza tad-Dinja  minħabba l-kritika tiegħu lejn ir-reġim, ġie arrestat wara sessjoni ta’ taħriġ mal-club lokali tiegħu, Foolad Khuzestan, fl-Iran.

Il-player ta’ 35 sena ġie arrestat fuq akkużi li ‘ħammeġ ir-reputazzjoni tat-team nazzjonali u xerred propaganda kontra l-istat’.

Ghafouri ġie akkużat ukoll li appoġġja ‘irvellijiet’, terminu li l-istati Iżlamiċi jużaw biex jirreferu għad-dimostranti kontra l-gvern wara l-mewt ta’ Mahsa Amini fil-kustodja tal-pulizija tal-moralità tal-Iran, fis-16 ta’ Settembru, li għadda.

Iż-żagħżugħa ta’ 22 sena mietet tlett ijiem wara l-arrest tagħha, f’Tehran, talli allegatament kisret il-kodiċi tal-ilbies Iżlamiku tan-nisa.

Ghafouri kien kritiku vokali tar-reġim Iżlamiku u t-trażżin vjolenti tiegħu fuq il-protesti, li ra mill-inqas 400 persuna jiġu maqtula.

Fl-2019, Ghafouri ġie msejjaħ mill-awtoritajiet Iranjani wara li kkritika l-politika barranija tal-Iran. Huwa qal li l-politika tal-pajjiż dwar il-kunflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, il-Libanu, il-Jemen u s-Sirja qed jagħmlu ħsara lill-Iranjani.

L-arrest tiegħu sar hekk kif il-players tal-Iran li qed jikkompetu fit-Tazza tad-Dinja ġew mwissija minn uffiċjali f’Tehran li qed jiffaċċjaw dixxiplina ta’ att kriminali għad-deċiżjoni ‘insultanti’ tagħhom li ma jkantawx l-innu nazzjonali qabel il-partita tat-Tazza tad-Dinja kontra l-Ingilterra.

Ekonomija

Sport