Thursday, April 25, 2024

“Jeħtieġ aktar diskussjonijiet fuq livell Ewropew biex niżguraw stabbiltà fil-prezz tal-gass”

– Il-Ministru Miriam Dalli 

Aqra wkoll

Il-ministri tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu fi Brussell biex jiddiskutu tliet proposti għar-regolamenti ta’ emerġenza, waħda dwar il-prinċipji li jistabbilixxu solidarjetà bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropea, it-tieni dwar kundizzjonijiet li jistgħu jagħmlu l-permessi għall-installazzjonijiet ta’ enerġija rinnovabbli aktar faċli u t-tielet dwar mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq tal-gass, magħruf ukoll bħala ‘gas price cap’.

Waqt l-aħħar Kunsill Ewropew, il-mexxejja ta’ 16-il stat membru tal-Unjoni Ewropea, inkluża Malta, qablu biex il-Kummissjoni tressaq proposta għal prezzijiet tal-gass orħos u aktar stabbli madwar l-Unjoni Ewropea. Iżda wara l-laqgħa li saret illum, ma kienx hemm qbil fuq il-proposta mressqa mill-Kummissjoni, fejn ma kinitx milqugħa pożittivament minn numru kbir ta’ stati membri, minħabba diversi riżervi.

Malta hija fost il-pajjiżi li esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom dwar din il-proposta. Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli qalet li filwaqt li Malta taqbel mal-proposti maqbula dwar is-solidarjetà u l-permessi għar-rinnovabbli, ma tistax taqbel mal-mod kif il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq tal-gass qed jiġi propost.

Il-ministru qalet li l-proposta kif inhi la tindirizza l-ħtieġa li l-prezz tal-gass jinżamm baxx u lanqas tiżgura sitwazzjoni fejn il-pajjiżi jistgħu verament ikollhom l-għajnuna meħtieġa fejn jidħol il-prezz tal-gass. “Sfortunatament, il-proposta li għandna quddiemna ma tindirizzax it-tħassib tagħna u mhux se tgħin biex tikkontrolla l-prezzijiet għoljin tal-gass użat għall-elettriku,” qalet Miriam Dalli.

Fid-dawl ta’ dan in-nuqqas ta’ qbil, il-ministri tal-enerġija Ewropej iddeċidew li jkomplu bid-diskussjonijiet fiż-żmien li ġej, bil-għan li jintlaħaq qbil dwar soluzzjonijiet li verament jagħmlu d-differenza fil-prezz tal-gass.

Sport