L-Iran ċaħad kategorikament l-allegazzjonijiet li kien hemm xi rabta bejn dan il-pajjiż u l-aggressur li attakka lill-awtur Salman Rushdie u minflok huma tefgħu l-ħtija fuq l-awtur stess u dawk kollha li jappoġġjawh.
Rushdie, li għandu 75 sena, tħalla ferut serjament wara li ġie aggredit b’oġġett bil-ponta waqt li kien se jagħmel diskors fuq palk ġewwa New York. Fortuntament il-kundizzjoni tiegħu qalbet tal-aħjar fejn issa qiegħed jieħu n-nifs mingħajr l-għajnuna tal-magni.
Dan l-awtur ilu snin sħaħ jiffaċċja theddid fuq ħajtu minħabba n-novella The Satanic Verses li kien kiteb fl-1988 u dan minħabba li għadd ta’ Musulmani ħassewhom offiżi b’dak miktub. Fid-dawl ta’ dak li seħħ ftit tal-jiem ilu, is-Segretarju tal-Istat Amerikan Anthony Blinken kellu kritika għall-midja Iranjana għall-mod kif irrapportat dan il-każ fejn saħansitra ddeskrivietu bħala “tpattija divina”. Apparti hekk fl-istazzjon tal-istat Iran Jaam-e Jam xħin semma li Rushdie jista’ jitlef id-dawl minn għajn waħda qal li, “l-għajn tax-xitan tilfet id-dawl”.