Fl-aħħar sigħat l-Iran żvela missila ġdida li kapaċi tilħaq distanza ta’ 1,450 kilometru. Dan seħħ fil-istesss waqt li ġewwa Vjenna komplew id-diskussjonijiet indiretti bil-għan li jiġi salvat il-ftehim nukleari ta’ Tehran li kien maqbul fl-2015 bejn il-qawwiet dinjin.
Il-missila ġiet esebita fl-okkażjoni ta’ żjara li l-ogħla uffiċjali tal-militar tal-Iran għamlu fil-bażi tal-Gwardjani Rivoluzzjonarji (IRGC). L-aġenzija tal-aħbarijiet Tasnim irrapportat li din hija arma sofistikata ħafna żviluppata mill-IRGC u li kapaċi tilħaq distanzi twal.
Tasnim kompliet tirrapporta li din il-missila hija żvilupp sostanzjali fuq id-disinn ta’ qabel, hekk kif għandha inqas piż u tieħu ħafna inqas ħin biex tiġi ppreparata.
Intant, ġewwa Vjenna d-delegati qalu li l-progress li qiegħed isir fid-diskussjonijiet kien wieħed minimu. Il-pajjiżi tal-Punent jemmnu li ftit baqa’ żmien biex il-ftehim ta’ Vjenna jiġi salvat u dan hekk kif bil-mod il-mod l-avvanzi nukleari li qiegħed jagħmel l-Iran qegħdin iġibu fix-xejn il-ftehim li kien sar fl-2015.