Tuesday, May 14, 2024

L-ISPIRTU TA’ ĦELSINKI

Aqra wkoll

Ħidma diplomatika ewlenija taI-Gvern Malti fl-aħħar sentejn kienet dik li tikkonvinċi pajjiżi Ewropej u oħrajn biex fis-sena 2025 tissejjaħ Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fil-Mediterran, 50 sena mill-Konferenza ta’ Helsinki fl-1975 li wasslet għal bidliet politiċi u soċjali fl-Ewropa bit-tmiem tad-dominanza Sovjetika fl-Ewropa tal-Lvant, it-tmiem tal-Gwerra l-Bierda waqt li intlaqgħet it-talba ta’ Malta li l-Konferenza tirrikonoxxi li ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropa, jekk ma jkunx hemm paċi fil-Mediterran.

Id-dinja illum hija differenti minn dik ta’ ħamsin sena ilu. L-Unjoni Sovjetika ġiet żmantellata, il-Ġermanja reġgħet ingħaqdet, l-Ewropa tal-Lvant inqatgħet mill-influwenza Russa, l-Unjoni Ewropea saret forza ta’ 27 pajjiż, iċ-Ċina kompliet tkabbar l-influwenza tagħha, ir-Rebbiegħa Għarbija ħasdet l-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani, ir-Renju Unit ħareġ mill-UE.

Illum jeżistu sfidi ġodda. Uħud minn dawn l-isfidi jinsabu wara biebna, ewlenija fosthom il-kriżi fil-Libja li għadha ma rkupratx mit-tneħħija ta’ Gaddafi għaxar snin ilu. Miljuni ta’ Afrikani qed jaħarbu minn pajjiżhom, b’eluf minnhom jittantaw jaqsmu bil-baħar lejn l-Italja u lejn pajjizna. Eluf ta’ suldati Russi jinsabu skjerati mal-fruntiera Ukrena.

Il-Ministru Evarist Bartolo, fl-aħħar sentejn, wassal il-messaġġ ma’ kull Gvern Ewropew, maċ-Ċina, mar-Russja, mal-Istati Uniti, mal-pajjiżi tal-Golf Għarbi fil-bżonn li d-dinja tagħraf l-ispirtu ta’ Ħelsinki, mhux biss għall-Ewropa nnifisha iżda għal bosta reġjuni madwar id-dinja, tabilħaqq għall-benefiċċju tal-futur tal-pjaneta kollha tagħna.

L-ebda pajjiż wieħed jew grupp żgħir ta’ pajjiżi waħedhom ma jistgħu jindirizzaw b’mod effettiv kwistjonijiet bħall-paċi u s-sigurtà fil-Mediterran, flimkien mal-emerġenza klimatika, Covid-19 u pandemiji oħra, l-immigrazzjoni, pussess ikkontestat ta’ riservi ta’ enerġija, kriminalità organizzata , intelliġenza artifiċjali u awtomazzjoni, kummerċ u żvilupp. L-Unjoni Ewropea ma tistax taffordja li tabbanduna l-Mediterran u l-Afrika fil-bieb tan-Nofsinhar tagħha għal potenzi globali u reġjonali oħra.

Illum aktar minn qabel Malta tintħieg politika barranija li mhux biss tħares l-interessi tal-Maltin li jgħixu f’pajjiżna u f’pajjiżi mbiegħda minna. Jeħtieg li Malta tkompli twassal il-vuċi tagħha biex kwistjonijiet internazzjonali jiġu solvuti fuq il-mejda, mhux bl-armamenti. Dan fl-interess tal-ġnus kollha, għax illum id-dinja tant ċkienet li dak li jiġri f’pajjiżi mbiegħda jolqot lilna u lill-ġnus tad-dinja kollha.

Sport