Il-pandemija tal-Covid-19 tista’ tgħid illi tinsab warajna u issa ninsabu f’dik il-fażi ta’ rkupru minnha. Irkupru li f’pajjiżna qed narawh miexi b’ritmu mgħaġġel ħafna li qed jolqot diversi setturi tas-soċjetà. Dan qed ikun innotat minn aġenziji ta’ kreditu internazzjonali u anke mill-Fond Monetarju Internazzjonali li fl-aħħar rapport tiegħu kkonkluda li l-ekonomija Maltija rkuprat b’saħħa mill-pandemija, li skont l-istess Fond kienet l-agħar riċessjoni f’għexieren ta’ snin.
Fl-analiżi tagħhom, l-ekonomisti tal-IMF qalu li d-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Gvern Malti kienu deċiżjonijiet tajbin u ttieħdu f’waqthom u f’dan il-perjodu għenu l-familji u n-negozji. Innutaw ukoll li fis-sentejn li għaddew – allura fi żmien il-pandemija – Malta kellha fost l-akbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
L-ekonomisti tal-IMF qed ibassru li din is-sena l-ekonomija ta’ pajjiżna mistennija tikber bi 3.3 fil-mija. Fl-istess analiżi l-IMF innota wkoll iż-żieda fl-inflazzjoni, għalkemm din baqgħet fost l-inqas fiż-Żona Ewro. Dan b’riżultat tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Gvern li ma jgħollix il-kontijiet tad-dawl u l-ilma filwaqt li l-prezzijiet tal-fjuwils inżammu stabbli.
Ma nistgħux ma nsemmux ukoll kif skont il-Eurostat, kien biss f’pajjiżna li l-prezz tal-elettriku kif ukoll dak tal-prezz tal-petrol u d-dijżil baqgħu stabbli fl-aħħar 12-il xahar. Dan b’kuntrast ma’ dak li seħħ madwar l-Unjoni Ewropea fejn il-prezz tal-elettriku fi tmiem Diċembru kien 30% ogħla milli kien fis-sena ta’ qabel, filwaqt li dak tad-dijżil u l-petrol kien 8% ogħla.
Intant, quddiem ir-rakkomandazzjoni li saret mill-IMF biex issir riforma fis-sussidju tal-enerġija, il-Prim Ministru Robert Abela kien ċar fi kliemu meta qal li l-Gvern għandu pjani fit-tul fuq dan is-sussidju iżda li dawn ma jinkludux li jitpoġġew aktar piżijiet fuq in-nies – turija ta’ kemm il-Gvern irid jibqa’ jgħin lill-familji u n-negozji. F’dan l-isfond nemmnu li s-sussidju li ta l-Gvern fosthom li assorba l-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils kienu miżuri fid-direzzjoni t-tajba li komplew iħeġġu l-irkupru tant meħtieġ f’dan is-settur.
Minbarra l-irkupru fil-qasam ekonomiku, ninnutaw ukoll b’sodisfazzjon kif is-sena li għaddiet kienet waħda pożittiva ferm għan-negozji żgħar u medji f’pajjiżna, li wkoll kellhom jaffaċċjaw diversi sfidi minħabba l-pandemija.
Jidher għalhekk li d-deċiżjonijiet meħuda f’dan iż-żmien u anke wara li bdiet il-gwerra fl-Ukrajna, qed iħallu riżultati tant li dawk li qed ifittxu fejn se jibbażaw in-negozju tagħhom, qed jaraw l-ekonomija b’saħħitha ta’ Malta u li se jsibu Gvern li dejjem lest li jgħinhom speċjalment f’mumenti ta’ diffikultà. Dan kollu jawgura tajjeb li t-triq ta’ rkupru li qabad pajjiżna se jkompli anke matul din is-sena.