L-Irlanda qablet li mil-lum jitneħħew kważi r-restrizzjonijiet kollha tas-saħħa pubblika biex jipprevjenu t-tixrid tal-Covid-19, wara l-aħħar parir mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika li qalu li kien hemm “evidenza ċara” fuq livell nazzjonali u internazzjonali li l-varjant Omicron ġeneralment ma kienx qed iwassal għal mard sever.
Apparti li tneħħiet il-miżura tad-distanza soċjali, l-avvenimenti fuq ġewwa u fuq barra mhux se jkollhom l-ebda limiti ta’ persuni imposti fuqhom u familji differenti jistgħu jiltaqgħu mingħajr restrizzjonijiet, filwaqt li tneħħew ukoll ir-restrizzjonijiet li kienu jikkonċernaw l-industrija tal-ospitalità.
Dan ifisser li bars, ristoranti u postijiet oħra jistgħu jibqgħu miftuħa wara t-8.00p.m. u n-nightclubs jistgħu jerġgħu jiftħu wkoll, filwaqt li mhux se jkun hemm l-obbligu taċ-ċertifikat tal-Covid biex persuna tifrekwenta dawn il-postijiet.
Il-gvern qed ineħħi wkoll ir-regoli tiegħu dwar ix-xogħol mid-dar, u li b’hekk jippermetti li jibda ritorn gradwali lejn il-post tax-xogħol mill-ġimgħa d-dieħla.
Għadd żgħir biss ta’ restrizzjonijiet jibqgħu fis-seħħ, inkluż l-ilbies tal-maskri f’postijieit bħal ħwienet, skejjel u fit-trasport pubbliku u l-użu tal-Covid pass għall-ivvjaġġar internazzjonali.