Wednesday, April 24, 2024

Qed jiġi mfassal pjan biex fi żmien li ġej pajjiżna jibda jneħħi r-restrizzjonijiet tal-Covid-19

Aqra wkoll

L-awtoritajiet tas-saħħa f’pajjiżna qed jaħdmu fuq dik li tissejjaħ ‘exit-road map’ biex fil-ġimgħat li ġejjin il-miżuri li għandna u għad għandna fis-seħħ jibdew jitneħħew pass pass mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa ta’ ħadd.

Waqt programm tar-radju, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ħabbar din l-informazzjoni fejn qal: “Id-Dipartiment tas-Saħħa qiegħed jaħdem fuq ir-roadmap illi se nħabbruha l-ġimgħa li ġejja bid-dati ta’ meta ħa nkunu qed inneħħu mill-miżuri, mhux kollha, illi għandna fis-seħħ. Nerġa’ ngħid il-miżuri importanti li tagħmilhom fil-ħin f’waqtu imma imbagħad importanti li tneħħihom ukoll fil-ħin f’waqtu. La qabel u lanqas wara. Issa wasalna f’punt fejn il-ġimgħa li ġejja nkunu nistgħu nħabbru, bid-dati preċiżi, ta’ kif u kemm se nnaqsu mill-miżuri li għad fadal.”

Huwa żied jgħid: “Aħna kelna mwiet din is-sena mill-Covid u kelna nies fl-ITU. Mhux kull min imut waqt li jkun pożittiv għall-Covid imut minħabba l-Covid. Ejja mmorru għall-estrem, jiġifieri jekk inti ttajrek karozza u meta nittestjawk insibuk pożittiv għall-Covid, ma tkunx qatlitek il-Covid imma tkun qatlitek id-daqqa ta’ karozza, imma aħna xorta ngħidu li dak miet waqt li kien pożittiv għall-Covid.”

Żied jgħid: “Imma hemm min miet minħabba l-Covid u jekk tara lil dawk li mietu minħabba l-Covid, issib li ħafna minn dawk in-nies ma ħadux it-tilqim. It-tilqim jipproteġik minn konsegwenzi severi tal-Covid u allura dawk il-ftit li għadhom ma ħadux l-ewwel jew it-tieni doża, fejn fadal xi 3%, imma dawk aktar minn 20% li għadhom ma ħadux il-booster, huwa fl-interess tas-saħħa tagħhom li jieħduh. Meta jiġi għal affarijiet ta’ mediċina, isma minn min jifhem mhux x’jiktbu fuq Facebook u min ma jifhimx. L-evidenza kollha turi li l-vaċċin u l-booster isalvaw il-ħajjiet.” 

Sport