Tuesday, December 24, 2024

L-irtirata minn Kherson turi li r-Russja tilfet il-pass fil-gwerra mal-Ukrajna

Aqra wkoll

Sadanittant, wara l-irtirata mill-belt ewlenija ta’ Kherson, ingħad li l-armata Russa “assolutament tilfet il-momentum” fl-Ukrajna. Minkejja dan iżda, il-Kap tal-Alleanza militari tan-NATO, Jens Stoltenberg stqarr li l-President Vladimir Putin m’għandux jiġi ssottovalutat.

Jens Stoltenberg kien qed jitkellem wara li Moska ordnat lit-truppi tagħha biex jirtiraw mill-belt ewlenija tan-Nofsinhar ta’ Kherson, taħt kontro-offensiva mill-forzi Ukreni. 

Huwa ddeskriva t-tħabbira tal-irtirata bħala inkoraġġanti u qal li din turi kif il-militar tal-Ukrajna, appoġġjat minn armi tal-Punent, kien qed ipoġġi lit-truppi Russi taħt pressjoni.

Iżda s-Segretarju Ġenerali tan-NATO qal li kien kmieni wisq biex wieħed jasal għal xi konklużjonijiet dwar is-sinjifikat jew le ta’ dak li ġara u għadu qed jiġri f’Kherson.

“Irridu nistennew u naraw x’se jiġri fil-fatt,” qal Stoltenberg f’intervista nhar l-Erbgħa waqt vjaġġ lejn Londra, fejn kellu laqgħa mal-Prim Ministru Ingliż Rishi Sunak.

Ir-Russja għad għandha l-kapaċitajiet, għad għandha l-forzi u għandha wkoll forzi u kapaċitajiet li jistgħu jolqtu l-ibliet Ukreni. Għalhekk jidher li r-Russja xorta tista’ tagħmel ħafna ħsara lill-Ukrajna.

Dwar rapport esklussiv minn Sky News li r-Russja allegatament tat lill-Iran armi Brittaniċi u Amerikani li kienu maqbudin u flus kontanti bi tpattija għad-drones fatali biex jintużaw kontra l-Ukrajna, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO qal li ma setax jikkonferma dawk l-allegazzjonijiet. L-Iran iżda qed qed jappoġġja apertament lir-Russja fil-gwerra mal-Ukrajna.

Sors tas-sigurtà qal lil Sky News li kien hemm tħassib serju li l-Iran se jfittex li jagħmel ‘reverse engineering’ tal-armi tal-Punent maqbudin li rċieva mir-Russja.

Ekonomija

Sport