“L-irvellijiet u d-dimostrazzjonijiet jagħtu sinjal tal-problemi ekonomiċi u soċjali li f’ħafna pajjiżi tħallew pendenti”

- Intervista ma’ Dr Alfred Sant 

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

“L-irvellijiet u d-dimostrazzjonijiet li kienu qed iseħħu fuq skala kbira fi Franza, fl-Italja, fil-Portugall, fi Spanja u qed jintqal daqt fil-Ġermanja jagħtu sinjal tal-problemi ekonomiċi u soċjali li f’ħafna pajjiżi  tħallew pendenti. F’qagħda Ewropea komplikata, il-problemi li nqalgħu fid-diversi pajjiżi mhumiex kollha l-istess. Iżda mbagħad għandhom bejniethom fatturi komuni”.

Iddikjara dan Dr Alfred Sant, f’intervista ma’ dan il-ġurnal. Dr Sant irrimarka li veru, il-livelli tal-għajxien baqgħu jiżdiedu u l-ekonomija baqgħet tikber, imma b’rata dejjem tiċkien li mhijiex tlaħħaq mal-aspettattivi li dejjem jiżdiedu tal-poplu. 

Spjega kif f’ħafna każi, l-magna ekonomika saret tiddependi minn ħaddiema immigranti, li  għalkemm huma meħtieġa biex oqsma tal-manfattura u tas-servizzi soċjali jibqgħu għaddejja, ta’ spiss iqajmu diżgwid u rabja fost saffi sħaħ tal-popli Ewropej. Jidher li l-inugwaljanzi soċjali bejn iċ-ċittadini u anke bejn il-ġenerazzjonijiet tqawwew.

Żied jgħid li; “Minkejja xi jgħidu r-regoli finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u taż-żona tal-ewro, numru ta’ gvernijiet Ewropej, anke fost il-kbar, baqgħu jtellgħu djun sostanzjali biex jiffinanzjaw in-nefqa tagħhom.  Il-kriżijiet tal-ewro (fis-snin 2008 – 2012) u tal-Covid (fl-2020 – 2022)jaħtu għal dan imma mhux huma biss”. 

Dr Sant saħaq kif fl-isforzi biex jikkontrollaw il-ħofor tal-baġits tagħhom gvernijiet Ewropej naqqsu l-investiment publiku f’oqsma essenzjali (edukazzjoni, trasport, akkomodazzjoni…) għalkemm qablu li jżiduh fid-difiża tal-ambjent kontra t-tisħin tal-klima. 

Kompla jispjega kif dan kollu, spiċċa jfixkel il-ħila ekonomika tal-pajjiżi biex jaħdmu b’mod aktar effiċjenti, imqabbla maċ-Ċina jew anke l-Istati Uniti. Qal li sadanittant, il-piż finanzjarju tas-servizzi soċjali, bħan-nefqa publika fuq is-saħħa u l-pensjonijiet baqa’ jiżdied.

Dr Sant kopla jispjegalna li; “Fl-istess żmien ukoll, il-partiti “moderati” tal-lemin u x-xellug, hekk imsejħa taċ-ċentru, tilfu r-rankatura u l-appoġġ. Aktar nies bdew jemmnu f’alternattivi radikali mix-xellug ( il-Linke Ġermaniż u La France Insoumise fi Franza)  jew mil-lemin (l-AFD Ġermaniż, l-RN fi Franza, Vox fi Spanja). Fl-aħħar snin dawn il-partiti bdew jikbru sew. Fil-Ġermanja u fi Franza saru l-akbar partiti nazzjonali”.

Enfasizza li bil-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna u bil-bidliet li l-President Trump ġab fil-politika Amerikana, il-gvernijiet Ewropej dejjem immexxijja mi-“ċentru” kellhom iżidu n-nefqa tagħhom fuq armati u armamenti. B’hekk qed ikollhom ħafna anqas x’jonfqu fuq investimenti u spejjeż rikorrenti meħtieġa.

B’referenza għal l-effetti tal-gwerra tal-Iran, Dr Sant beda biex qal li biż-żidiet fil-prezz tal-fjuwil u ta’ oġġetti essenzjali oħra, servew bħala l-ġamra li tat in-nar għad-dimostrazzjonijiet fil-bliet Ewropej. Qal ukoll li d-dwejjaq tan-nies qed ifuru dwar diversi oqsma ta’ lmenti, apparti mill-għoli tal-ħajja: edukazzjoni (Franza, Italja u l-Portugall), akkommodazzjoni (Spanja u Italja), pensjonijiet (Ġermanja u Portugall), immigrazzjoni (il-pajjiżi kollha).

Dr Sant qal ukoll; “Il-ħajra għal dimostrazzjonijiet donnha ttieħdet minn belt għal belt, minn pajjiż għal pajjiż, speċjalment għall-ewwel fost iż-żgħażagħ. Dak li ġara u qed jiġri fi Franza donnu serva ta’ mudell. F’dal-pajjiż, id-dimostrazzjonijiet massiċċi dejjem kienu parti mill-istorja politika. L-aħħar epsodju qabel ta’ dis-sena kienu d-dimostrazzjonijiet kontra l-Presidenza ta’ Emmanuel Macron  imtella xi snin ilu minn dawk li kienu jissejħu tal-Ġlekk l-Isfar”.

Fisser kif, din id-darba inbdew mill-istudenti tal-klassijiet sekondarji  u tkomplew minn żgħażagħ oħra, imbagħad folol akbar, bl-appoġġ tal-partit xellugi “estrem” La France Insoumise. Qal li  kif ġara ta’ spiss waqt dimostrazzjnijiet Franċiżi, ġgajtiet ta’ nies kriminali approfittaw ruħhom mis-sitwazzjoni biex jirrikorru għall-vjolenza u ttkisser. Madankollu qatt qabel ma kien hemm żbroff kriminali daqshekk qawwi f’Pariġi u fi bliet oħra, bi tkissir ta’ ħwienet u serq ġeneralizzat. Il-forzi tal-pulizija spiċċaw jitilfu kull kontroll. 

Dr Sant tenna jgħid li; “Għal li ġej, jekk fhimt tajjeb, il-gvern ta’ Macron se jkun lest idaħħal l-armata. Hekk kien għamel il-ġeneral de Gaulle fl-1968 meta strajkijiet u dimostrazzjonijiet enormi f’Pariġi u bliet oħra ipparlizzaw il-gvern tiegħu għl ġimgħat sħaħ. Ma narax li l-gvern ta’ Macron għandu alternattiva oħra fiċ-ċirkostanzi”

Qal ukoll; “Il-gwaj se jkun li x-xellug politiku se jiġi mċappas b’akkużi ta’ tixwix għal vjolenza u serq waqt li l-lemin “estrem” immexxi minn Marine Le Pen se jkun jista’ jippreżenta ruħu bħala d-difensur ewlieni tal-paċi u tas-sigurtà fit-toroq tal-pajjiż”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport