Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li jinsab “iddiżgustat ħafna” bl-intervent ta’ żewġ Ewroparlamentari Nazzjonalisti fil-Parlament Ewropew, li skontu, għamlu ħsara irreparabbli lil pajjiżna.
“Imur David Casa u jgħid li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna mhumiex integri. Imbagħad tiġu hawn u tgħidu nirrispettaw l-istituzzjonijiet. Dawk huma l-inkoerenzi bejnietkom,” qal il-Prim Ministru lbieraħ waqt li kien qed jitkellem fil-Parlament.
Huwa appella lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jiżgura li titwaqqaf din it-tip ta’ ħsara kontra pajjiżna f’istituzzjoni tant importanti Ewropea. “Għidli x’ħadtu bil-ħsara li għamiltu llum? U l-poplu mhux se jinsieha.”
Il-Prim Ministru tenna li l-episodju tal-bieraħ se jibqa’ mnaqqax bħala wieħed li fih Ewroparlamentari Nazzjonalisti “urew l-aktar sens ta’ żlealtà kontra pajjiżhom.”
Min-naħa l-oħra, Dr Abela qal li huwa jmur Brussell u se jibqa’ jmur hemm biex jipproteġi u jiddefendi l-interess nazzjonali, “għax kburi b’pajjiżna, inħobb lil pajjiżna u se nagħmel dak kollu possibbli biex Malta tkun l-ewwel u qabel kollox.”
Sadanittant, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar ir-riforma fl-appelli tal-ippjanar. Huwa spjega li din ir-riforma kienet ilha tinħass il-ħtieġa tagħha għal ħafna snin u li llum qed titwettaq. “Nemmnu li hi waħda minn dawk ir-riformi meħtieġa sabiex inżommu s-sostenibilta ta’ dan is-settur,” qal il-PM.
Dr Abela saħaq ukoll li Gvern immexxi minnu se jkompli jiddefendi s-settur tal-kostruzzjoni għaliex jemmen li huwa meħtieġ bħala parti mill-ekonomija tagħna u li jagħti kontribut dirett u indirett li huwa ta’ fejda għall-poplu Malti u Għawdxi. Madankollu, huwa sostna li dan is-settur jeħtieġ ukoll il-bidliet.
Il-Prim Ministru tenna li fost il-bidliet sostanzjali hemm is-sospensjoni awtomatika tal-permess f’każ t’appell filwaqt li se jkunu introdotti termini statutorji li fihom l-appell quddiem it-Tribunal irid jiġi appuntat (fi żmien 30 ġurnata) u jrid jiġi deċiż fi żmien sitt xhur.
