L-intelliġenza artifiċjali (AI) ilha suġġett ta’ kontroversja għal dawn l-aħħar snin. Hemm min jaqbel magħha għax fiha jara potenzjal pożittiv filwaqt li oħrajn jaraw bħala theddida tant li xi wħud qed jgħidu li l-iżvilupp f’dan il-qasam għandu jiġi mrażżan.
Għalkemm kien hemm il-biża’ li permezz tal-AI u r-robotika se jintilfu ħafna impjiegi, sal-lum il-ġurnata dan għadu mhux il-każ tant li l-intelliġenza artifiċjali qed jingħad li tista’ tkun ta’ għajnuna għall-bniedem fl-avvanz naturali tiegħu.
Pajjiżna mhux nieqes mid-diskussjoni dwar l-AI. Tant hu hekk li l-Gvern qed jinċentiva dan is-settur bi programmi bla ħlas għal kulħadd, fosthom anke l-anzjani fi djar residenzjali. Dan nifhmuh għaliex il-progress ma jista’ jwaqqfu ħadd u l-aħjar ħaġa li ssir hi li jkun hemm l-aktar mod għaqli ta’ dan l-avvanz teknoloġiku.
Minbarra dawn il-programmi, il-Gvern jemmen li l-investiment kontinwu fl-AI, l-infrastruttura diġitali u ħiliet relatati mal-AI se jkun essenzjali biex jappoġġja t-tkabbir fil-produttività, irawwem l-innovazzjoni u jsaħħaħ il-kompetittività ta’ Malta fit-tul, b’mod partikolari hekk kif in-negozji qed jintegraw dejjem aktar it-teknoloġiji tal-AI fl-operat tagħhom.
L-AI hija meqjusa wkoll bħala wieħed mis-setturi li fihom l-investituri qed jaraw l-akbar potenzjal ta’ tkabbir fit-tul. Dan joħroġ ukoll minn stħarriġ tal-kumpanija Ernst & Young, li juri li 87% tal-investituri jistennew li l-AI tappoġġja t-tkabbir ekonomiku, inkluż 58% li jemmnu li se ttejjeb il-produttività f’diversi setturi.
Għaldaqstant, l-intelliġenza artifiċjali għandha titqies bħala opportunità li tista’ tgħin lil Malta tkompli tavvanza u ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha f’ekonomija globali dejjem aktar diġitali. Permezz ta’ investiment kontinwu, taħriġ u użu għaqli ta’ din it-teknoloġija, pajjiżna jista’ jtejjeb il-produttività, joħloq opportunitajiet ġodda u jsaħħaħ il-kompetittività tiegħu.
L-importanti huwa li nibqgħu nħarsu ’l quddiem b’fiduċja u nagħmlu l-aħjar użu mill-innovazzjoni, sabiex il-progress teknoloġiku jkompli jservi lill-bniedem u jikkontribwixxi għal futur aktar b’saħħtu u sostenibbli għal Malta.




