Hekk kif għada se nkunu qed niċċelebraw Jum il-Missier, dan is-sit ħaseb biex jieħu xi kummenti ta’ Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra, li huma wkoll missirijiet, dwar xi jfisser għalihom li jkunu missirijiet fis-soċjetà tal-lum.
Onor Dr Jonathan Attard – Ministru għall-Ġustizzja

Jum il-Missier illum għandu aktar minn tifsira waħda għalija. Ċertament huwa Jum li fih nirrifletti ftit aktar mis-soltu kemm missieri huwa importanti f’ħajti u kemm ħadem u stinka biex jien u ħuti jkollna futur aħjar minn tiegħu. Huwa wkoll Jum li fiħ jien napprezza aktar mis-soltu r-rwol tiegħi ta’ missier Siena u Ava, iż-żewġ ulied li ġabu tant ferħ u anke responsabbiltá f’ħajti u f’ħajjet il-mara. Nawgura lil kull min f’ħajtu ħabb jew iħobb bħala missier!
Dr Clifton Grima – Ministru għall-Edukazzjoni u Sport

Ovvjament meta l-mara qalti li konna se nsiru ġenituri, kienet xi ħaġa ferm sabiħa u mbagħad meta jkollok it-tarbija f’idejk, il-prioritajiet ta’ ħajtek trid tara kif jinbidlu u tgħid kull deċiżjoni li trid tieħu, kull pass li tkun se tagħmel bla ma trid iżżomm lil uliedek ġo moħħok. Xi ħaġa li meta tqum filgħodu taħseb fuqhom u l-aħħar ħaġa qabel torqod, taħseb fihom ukoll. Jiġifieri, litteralment ħajtek tkun iddur fuqhom. Jien għandi żewġt itfal – tifel ta’ disa’ snin jismu Michael u għandi tifla jisimha Julia – għandha ħames snin.
Chris Agius

L-isbaħ ħaġa li wieħed jista’ jkollu fil-ħajja hija li jkollok familja u l-Bambin ikun għoġbu jżejjen il-familja bl-ulied. Mumenti li ma jintesew qatt huwa l-jum fejn tgħannaq miegħek wild ġdid. Il-mara u jien għandna x-xorti li għandna tliet itfal li magħhom irnexxielna jkollna żmien mill-isbaħ matul it-trobbija u wara. Illum li għandhom l-etá tagħhom, dik l-imħabba li rnexxielna nkattru bejnietna, għadha hemm u kull mument li nkunu kollha flimkien hija l-għaxqa ta’ ħajjti. Magħhom illum żdiedu tliet neputijiet li kemm il-mara iżda aktar jien nistgħu ngawdu t-trobbija tagħhom. Nirringrazzja lill-ħanin Alla talli tana din il-familja mimlija b’tant imħabba!
Dr Edward Zammit Lewis

Il-Latin jgħidlek ‘Tempus Fugit!’ – iż-żmien itir. Binti Lucia filli għadni nara lill-marti Elena waqt il-ħlas u filli Lucia llum għandha 18-il sena. M’hemmx isbaħ li tkun missier u tara lil bintek jew uliedek mexjin ‘il quddiem. Hija xi ħaġa li diffiċli li wieħed jiddeskriviha. Fid-dinja tal-lum u fi żmien fejn qisu l-iprem valur saru l-flus u l-konsumiżmu, hija sfida kbira sabiex tkun missier tajjeb. Jiena nemmen li importanti li lil Lucia ngħaddilha tliet ħwejjeġ: formazzjoni, personalitá u edukazzjoni tajba. Hekk binti tkun mogħnija bl-għodda importanti sabiex tiffaċċja l-ħajja, li mhux dejjem tkun faċli, u tkun f’pożizzjoni tibni l-karriera li trid u familja tagħha!
Graham Bencini – Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport

L-isbaħ jiem ta’ ħajti żgur li kienu l-ġranet meta twieldu wliedi. Bħala Membru Parlamentari, Chartered Accountant, raġel miżżewweġ u missier, għandi ħajja impenjattiva ħafna, u fl-aħħar ta’ kull gurnata nistenna bil-ħerqa li mmur id-dar biex nara lil uliedi. M’hemm xejn isbaħ mill-innoċenza tat-tfal u l-imħabba u l-ferħ li jġibu magħhom!