Tuesday, May 14, 2024

Paniku f’bajjiet fi Spanja … It-tieni kelb il-baħar jidħol fil-kosta

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat dawk kollha li kienu qegħdin igawdu l-baħar ta’ Spanja twerwru hekk kif għat-tieni darba f’perjodu ta’ jumejn biss, persuni raw kelb il-baħar. Din id-darba huwa rrapportat li d-daqs ta’ dan il-kelb il-baħar kien wieħed kbir ħafna. Il-biża’ li hawn bħalissa mill-klieb il-baħar hija waħda ġustifikata hekk kif il-ġimgħa l-oħra ġuvni Russu nqatel minn wieħed fil-Ġreċja.

Il-kelb il-baħar tal-bieraħ kien fl-inħawi ta’ Ciutadella Port, f’Menorca mentri dak li raw jum qabel daħal viċin il-bajja ta’ Alicante. Dan tal-aħħar kien kbir seba’ piedi u wara nstab mejjet.

F’filmat li ċċirkola l-kelb il-baħar f’Menorca deher idur madwar id-dgħajjes fil-port u n-nies bdew jixxabtu biex jippruvw jarawh. Tajjeb li ngħidu li jum qabel kien hemm xeni ta’ paniku meta fil-bajja ta’ Aguamarina fin-Nofsinhar ta’ Alicante n-nies bdew jiġru biex joħorġu mill-baħar minħabba li l-kelb il-baħar daħal fil-bajja f’ilma baxx ħafna. 

F’intervista ma’ ġurnal lokali, l-espert tal-ħajja marina Juan Pujol, qal li meta wieħed ikun qiegħed jgħum u jispiċċa jiffaċċja sitwazzjoni bħal din, huwa importanti li jibqa’ kalm għax, b’referenza għall-klieb il-baħar inkwistjoni, “mhumiex agressivi”.

Minkejja l-possibbiltà li dawn il-klieb il-baħar jistgħu ma jattakkawx, il-lifeguards saffru biex iwissu lir-residenti u lit-turisti li kien hemm kelb il-baħar fil-viċin u talbuhom biex jitilgħu lura malajr kemm jista’ jkun.

Mal-avviż ta’ periklu huwa rrapportat li mara avvanzata fl-età li kienet qiegħda tgħum, taha attakk ta’ paniku qawwi. Din ingħatat assistenza u telgħet lura fuq ir-ramel qawwija u sħiħa.

Sport