Thursday, December 26, 2024

“L-iScouting bla dubju ma jħalli xejn ħlief ġid fil-ħajja ta’ dak li jkun”

Aqra wkoll

Permezz ta’ tagħlim informali, il-membri jiksbu ħiliet varji li jiswielhom ta’ ġid għal ħajjithom kollha

Minn MARIA AZZOPARDI

Il-gruppi tal-iScouts għandhom rwol importanti fis-soċjetà fejn fost oħrajn jittrażmettu u jgħallmu dawk il-ħiliet soċjali ferm importanti li huma essenzjali fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. It-tagħlim informali u x-xogħol volontarju huma t-tnejn ċentrali ħafna fl-attivitajiet tal-iScouts.

Waqt żjara li l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, għamel lix-Xgħajra Scout Group fil-Batterija tal-Grazzja, huwa ħeġġeġ biex iżjed tfal u żgħażagħ jingħaqdu fi gruppi tal-iscouts biex jikbru f’responsabbilità u dixxiplina. Permezz tax-xogħol siewi biex joffru lill-ġenerazzjoni li jmiss ħin ta’ rikreazzjoni kif ukoll tagħlim importanti, it-tfal u żgħażagħ  jiksbu wkoll ħiliet varji li jkun jiswielhom ta’ ġid għal ħajjithom kollha.

Waqt din iż-żjara l-Ministru Abela kellu opportunità biex jiltaqa’ ma’ diversi membri fosthom iċ-Chief Commissioner Anton Pisano u l-Kap tal-Grupp Marcel Borg, fost oħrajn.

Il-Ministru Abela qal li nnota kemm dawn jaħdmu bi sħiħ biex dan is-sit jarawh fi stat aħjar. Apparti minn hekk waqt din iż-żjara huwa ltaqa’ ma’ diversi żgħażagħ li huma parti mill-kumitat tal-Venture Unit u seta’ japprezza l-importanza tal-edukazzjoni informali. Bosta kienu dawk li sostnew li permezz ta’ din iż-żjara il-Ministru Abela wera mhux biss interess iżda wkoll sinjal ta’ kemm huwa kommess li jkun ta’ sapport; għajnuna li żgur hija ta’ valur kbir għal voluntiera biex din it-tradizzjoni tibqa’ ħajja u timxi ‘l quddiem.

Minn grupp żgħir ta’ 4 membri, dan kiber għal madwar 80 membru

Marcel Borg GSL tax-Xgħajra Scout Group qal lil dan il-ġurnal li tassew jinsabu onorati li l-Ministru Abela sab il-ħin biex jiltaqa’ magħhom u jiddiskuti l-andament tal-grupp matul dawn l-aħħar 25 sena.

Marcel qal li l-Assocjazzjoni tal-iScouts f’Malta, li huma jagħmlu parti minnha,  hija organizzazzjoni volontarja. Peress li bħala organizzazzjoni tibbaża fuq il-ħin li l-voluntiera jagħtu għall-grupp, kull għajnuna hija dejjem ferm apprezzata biex din il-ħidma tkompli tilħaq aktar nies u biex tassew tibqa’ tħalli impatt pożittiv fuq ħajjithom.

Marcel spjega li x-Xgħajra Scouts Group se jiċċelebra 25 sena mill-waqfa tiegħu proprju s-sena d-dieħla u fisser li minn grupp żgħir ta’ erba’ membri, issa dan il-grupp kiber għal madwar 80 membru minn madwar Malta.

“L-iscouting bla dubju ma jħalli xejn ħlief ġid fil-ħajja ta’ dak li jkun, għaliex aħna ‘dejjem lesti’ (‘Kun lest’ huwa l-motto tal-iScouts) biex naffaċċjaw dak kollu li tippreżentalna l-ħajja bi tbissima u pożittività,” temm jgħid Marcel.

Ekonomija

Sport