Ir-realtà tal-lum
Illum, jekk tidħol fil-midja soċjali żgur mhux forsi se ssib xi ritratt jew tnejn ta’ numru ta’ boroż suwed jistennew li xi ħadd iwarrabhom minn fejn qegħdin. L-ewwel reazzjoni ħafna drabi tkun li l-Kuntrattur m’għaddiex, jew ma ġabarx. Dan mhux dejjem huwa l-każ għax numru ta’ ċirkostanzi juru li ħafna drabi numru ta’ residenti jagħżlu u jiddeċiedu huma xħin joħorġu l-iskart tagħhom. Dan minkejja li kull Kunsill Lokali, ‘għajja’ jipprova jwassal il-ħinijiet u tal-ġbir u l-ġurnata tal-kuluri tal-boroż. Minkejja dan, ħafna jibqgħu jwebbsu rashom għax jafu ben tajjeb li l-liġijiet kif huma, qajla hemm ċans li jinqabdu u jiġu mmultati.
Mela din l-ewwel problema; hemm bżonn bdil leġislattiv li jagħmilha aktar faċli li min jabbuża, iħallas. Problema oħra huwa n-numru tal-boroż suwed u l-volum tagħhom. Minkejja li sentejn ilu ddaħħlet il-liġi fejn kull resident huwa obbligat biex jissepara l-iskart li jiġġenera hu u l-familja tiegħu, ħafna għadhom ma jagħmlux dan u kull tip ta’ skart li jkollhom jintefa’ dejjem fil-borża s-sewda. Meta ġiet imfassla l-iskeda nazzjonali għall-pajjiż kollu, il-ħsieb kien propju dan, illi tiddaħħal din il-liġi għax jekk kulħadd jissepara kif suppost, il-borża s-sewda hija l-inqas borża li għandu jkun fiha skart. Mhux biss, imma kieku jiġri dan, din lanqas ikun hemm bżonn tinġabar darbtejn fil-ġimgħa.
Allura hawn ma nifhimx kif hemm min jgħid li l-problemi li għandna fuq l-iskart huma ġejjin għaliex qabel il-borża s-sewda kienet tinġabar tal-inqas tliet darbiet fil-ġimgħa. Issa hawn nifhem li hemm min għandu trabi u nies anzjani ħafna li l-kundizzjoni tagħhom tirrikjedi li jkollhom ‘nappies’ etċ. Imma l-eċċezzjoni rridu nsibu soluzzjoni għaliha mhux nużawha bħala raġuni biex inżommu kollox lura.
Stabbilimenti tal-ikel u negozju
Materja oħra li qed tikkontribwixxi għall-problema tal-borża s-sewda huma ċertu stabbilimenti tal-ikel, ‘take aways’ u negozji oħra. Irridu nagħmlu distinzjoni bejn uffiċċju li jħaddem sa għaxra minn nies li l-skart iġġenerat ikun karti u materjal ieħor relatat, ħanut tax-xagħar f’raħal, li wkoll ikollu borża waħda kuljum, u xi ristorant, ‘take away’, jew xi ‘panel beater’ li l-iskart tagħhom mhux biss huwa voluminuż u ikbar, imma dawn obbligati wkoll li jkollhom ftehim kuntrattwali ma’ kollettur privat tagħhom. Hawn għexieren ta’ ristoranti li minkejja li għandhom kuntratt, sabiex jissodisfaw il-kriterji rekwiżiti mir-regolamenti tal-Awtorità tat-Turiżmu, fil-verità ma jħaddumx u joħroġu l-boroż (fil-kwantità) tagħhom, fuq il-bankini biex jinġabru mill-kollettur tar-reġjun. L-istess ġieli tara li bumper ta’ karozza, demel taż-żwiemel u skart ieżor li żgur mhux skart residenzjali.
Il-problema tikber b’żewġ modi; kemm jekk dan jinġabar mill-kollettur tar-Reġjun biex ma jħallix toroq bil-boroż kif ukoll jekk ma jinġabarx għaliex dan huwa skart li ma jaqax taħt il-kuntratt tiegħu.
Kull borża sewda li tidħol il-Wasteserv, għaliha trid titħallas rata skont il-piż tal-borża. Lura fis-snin dawn ir-rati kienu minn €20 kull tunnellata li żdiedet kull sena ghal €40, €60, €80 u anki sa €100 kull tunnellata. X’ifisser dan? Dan ifisser li jekk il-kollettur b’rieda tajba u biex ma jħallix skart, jiġbor dak li mhux suppost ġabar hu, ir-Reġjun u l-Kunsilli Lokali se jkollhom iħallsu eluf ta’ flus żejda f’tipping fees, li suppost tħallsu mir-ristorant, minn negozji f’żoni industrijali u negozji oħra.
Flus li suppost huma allokati għal proġetti fil-komunitajiet u minflok, minħabba dan l-abbuż. Min-naħa l-oħra, jekk dan l-iskart jitħalla hemm, kif suppost isir, appena xi resident jarah, l-ewwel reazzjoni hi l-Kunsill ma ġabrux, li s-sistema mhix taħdem, li l-kollettur tar-reġjun m’għamilx xogħlu. Mela hawn irridu nassiguraw bħala pajjiż li kulħadd jerfa’ tiegħu u jrid ikun hemm infurzar b’saħħtu ma’ min jabbuża u ma jimxix mar-regolamenti li suppost qed jirregolaw it-tħaddim tan-negozju tiegħu.
Il-materja tat-tipping fees, turi wkoll ir-responsabbiltà li għandhom ir-residenti u x’issarraf meta skart li suppost imur fil-borża l-bajda jew ħadra/griża, jintefa’ fil-borża s-sewda.
Il-kirjiet qosra
Din hija linja oħra li qed tohloq problemi kbar. Ma jistax ikun li sid l-appartament jew propjetà, jibqa’ jibgħat il-ħassiela meta joħorġu l-klijenti, jitnaddaf il-post u jinħarġu l-boroż tal-iskart fuq il-bankini, irrispettivament mill-ġurnata xi tkun. Hemm bżonn bdil leġiżlattiv anki f’dan ir-rigward fejn mhux biss is-sid, irid jerfa’ r-responsabiltà tal-klijenti tiegħu imma jrid jassigura li l-iskart iġġenerat mill-istess klijenti tiegħu, jiddispondi b’mod tajjeb minnu hu.
Mela dawn m’għandhom lil ħadd jirregolahom kemm jikru, għandhom ‘flat rate’ ta’ ħlas ta’ taxxa mid-dħul tal-kirjiet, imbagħad jippretendu li l-Kunsill ikun il-pastaż tagħhom u jneħħilhom l-iskart ukoll? Anki hawn, f’għajnejn ir-residenti, il-Kunsill qiegħed ‘at fault’ għax ma ġabarx il-boroż mit-triq. Dan minkejja li l-istess residenti jkunu jafu ben tajjeb min hu s sid tal-post imma kulħadd iħobb jiżloq u joqgħod lura milli jgħid kelma!
Kumplessi ta’ Appartamenti
Huwa fatt magħruf li l-liġi tal-kondominju mhix tiġi osservata minn kulħadd. Hawn għad ta’ kumplessi u appartamenti li lanqas biss għandhom amministratur reġistrat. Mela dan l-ewwel pass li jrid isir. Irridu naraw li kull kumpless ta’ appartamenti jkollu l-amministratur tiegħu u li dan ikollu obbligu legali jirreġistra wkoll il-blokok tiegħu f’dik il-lokalità mal-Kunsill rispettiv.
B’hekk, meta se jkun hemm problema, il-Kunsill faċli għalih li jagħmel kuntatt mall-amministratur biex dan jirregola lill-klijenti tiegħu. Hawn ukoll, il-forzi tal-ordni, permezz t’hekk ikollhom aktar għodda biex jaslu għal min jabbuża. B’emendi legali, it-taħrika tkun tista’ toħroġ fuq l-amministraturi u dawn iżiduha mal-kontribuzzjoni li jiġbru fis-sena.
B’hekk ikun hemm ‘shared responsibility’ bejn dawk kollha li joqogħdu f’dak il-kumpless u jkunu aktar viġilanti bejniethom. L-infurzar ma jsirx biss b’uffiċjali imma billi nħaddnu metodi ġodda li permezz tagħhom ir-resident, iħoss li għandu sens ċiviku x’jaqdi kemm għalih personali u għal post fejn jgħix kif ukoll il-komunità li jagħmel parti minnha.
Parkeġġi ħżiena
Problema oħra li ħafna ma jaħsbux fiha hija parkeġġ ħażin ta vetturi privati li ħafna drabi joħolqu ostaklu għat-trakkijiet tal-ġbir. Meta jkun kantunieri b’linja safra doppja, din ma tkun dekorazzjoni għat triq imma għax minn dik it-triq il-Kunsill ikun jaf li jgħaddu vetturi kbar li biex jimmanuvraw ikun meħtieġ li jkollhom numru ta’ metri klirjati minn kantuniera.
Dak l-imsejjaħ ‘double parking’ hija problema oħra fejn toroq ħafna drabi jkunu ġġammjati bit-traffiku mhux għax ikun għaddej track tal-ġbir imma għax dan kellu jieqaf għax ingħata xi permess ta’ ‘take away, f’xi kantuniera jew hdejn ‘pedestrian crossings’, u ma jkunx jista’ jibqa’ għaddej bir-rotta. Stabbilimenti bħal tal-pastizzi m’għandhomx jingħataw permess biex joperaw minn spazji simili, kemm għall-raġunijiet li semmejt kif ukoll għalihom infushom.
Ħadd mhu se joqgħod idur u jagħqad biex isib parkeġġ biex jixtri żewġ pastizzi iżda jagħżel l-iktar soluzzjoni faċli; ‘double parking’ quddiemu ‘għax għal ftit minuti’, bil-konsegwenzi kollha li dan iġib miegħu. Din tkun problema ikbar jekk wieħed jikkonsidra li l-ġbir isir mal-lejl għax se jkollok bosta lokalitajiet li r-residenti jipparkjaw f’kantunieri mal-lejl, meta normalment dawn ma jkunux id-dar matul il-ġurnata. Imma dan argument ieħor li niddiskutieh f’artikli oħra.
Multi fuq l-operaturi
Il-fatt li l-borża s-sewda tinġabar it-tlieta u l-s-Sibt, hija t-tendenza ġenerali li s-Sindki, l-Kunsilli Reġjonali u anki b’sens komun, il-Kuntratturi jintqal lilhom biex f’ dawk il-jiem, jiġbru l-boroż kollha li jiltaqgħu magħhom fit-triq. Għaliex? Dan għax il-borża s-sewda hija meqjusa bħala ‘mixed waste’.
Allura r-raġunar hu li jekk xi ħadd dakinhar ħareġ borża bajda, din tinġabar biex ma tagħmilx hemm 24 jew 48 siegħa, speċjalment b’ikel organiku fiha. Jekk tkun ħadra jew griżż, din jekk ma tinġabarx dakinhar (it-Tlieta u s-Sibt) meta ma ninsewx huma ġranet ta’ mixed waste, se tagħmel barra minn jumejn sa ħamest ijiem. Issa hawn qed nitkellem fuq eċezzjonijiet u allura ma rridx infisser li kulhadd it-Tlieta u s-Sibt jista joħroġ il-borża li jrid.
Imma din għandha l-problemi tagħha. Jekk kuntrattur jinqabad it-Tlieta jew is-Sibt jiġbor borża mhux sewda, anki jekk borża waħda bajda minn trakk sħiħ, jingħata multa ta’ 850 ewro. Filwaqt li min ikun ħariġha fil-ġurnata l-ħażina mir-residenza tiegħu, dak jeħlisha ħafif. Min-naħa l-oħra jekk il-kuntrattur ihalliha warajh, il-Kunsill se jaqla’ kritika li hemm il-ħmieġ fit-toroq u l-ġbir mhux isir kif suppost.
Għalfejn qed ngħid dan kollu? Għax qabel ma kull wieħed u waħda minnha jifhem kemm hi gravi u x’konsegwenzi għandhom l-atteġġjamenti tagħna, żgur mhux se nsolvu l-problema. Ħafna jistgħu ma jaqblux miegħi imma l-akbar problema fil-ġlieda kontra l-iskart huma r-residenti infushom, li jinkludu kull sid ta attività kummercjali. Jekk se nibqgħu bil-mentalità, li l-aqwa li tajjeb jien u ħlist mill-imbarazz tiegħi bla sagrifiċċju, nistgħu indaħħlu l-awqa sistemi għax nibqgħu fejn aħna. Min jaħseb li għax ma jħallasx direttament għal ġbir ta’ skart, dan qed isr b’xejn żball. Dan is-servizz lil pajjiż jiswieh għexieren ta’ miljuni u forsi l-iżball hu li m’hemmx ħlas fuq kull dar għat-trattament tal-iskart. Għax hemm forsi nitgħallmu.
Il-kolletturi
Issa niġu għall-kuntratturi, għax dawn għandhom x’iġorru wkoll. Fl-ewwel lok, il-kriterji u kundizzjonijiet li hemm fil-kuntratt iridu jiġu osservati. L-eċċezzjonijiet ma jistgħux isiru r-regola. Jekk suppost għandek hin li trid tibda fih, trid timxi miegħu. Jekk ma jistax isir tgeddiż aktar minn ċertu ħin, dan irid jiġi osservat.
Jekk irid ikollok sistema li timmarka minn fejn għaddej u fejn jinsab it-trakk, din trid tkun attivata. Jekk suppost tippreżenta rendikont fil-ħin tal-piżijiet miġbura, dan jinħtieġ li jsir bla riservi. Fir-rotta u waqt ir-rotta tal-ġbir tar-Reġjun, ma jistax isir ġbir privat ieħor, minħabba r-raġunijiet li semmejt aktar qabel. Jekk kuntrattur tal-knis tal-Kunsill, suppost irid ikollu borża kulur differenti minn dawk użati mir-residenti, dan għandu jkun osservat.
Dan għandu jara wkoll li dawn jiġborhom u mhux iħallihom fit-toroq biex jinħabru mill-kollettur tal-kunsill biex hu jiffranka jħallas it-tipping fees fuqhom. Il-‘Contracts Manager’ tal-Kunsill, għandu jara li dan jiġi osservat. M’għandux ikun hemm ftehim bejn xi sub contractor tal-kuntrattur tal-ġbir tar-Reġjun u xi kuntrattur tal-knis biex dan tal-ewwel jiġborlu l-boroż tiegħu u jiddikjarahom skart tal-Kunsill.
Għax anki hawn, meta jsir dan, anki jekk il-kollettur tar-reġjun ma jiġbrux, ir-residenti se jċemplu l-Kunsill rispettiv u jirrappurtaw li l-borża s-sewda ma nġabritx għax dawn ma jkunx jafu x’fiha dik il-borża. Hemm materji oħra dwar din il-parti imma jimmeritahom diskussjoni għalihom. Il-Kuntratturi jridu wkoll jagħmlu l-investiment meħtieġ fil-vetturi u jaraw li dawn ikunu konformi wkoll mar-rekwiżiti.
Riflessjonijiet
L-iskop ta’ dan l-artiklu estensiv mhux li jipponta swaba lejn xi ħadd imma li jpoġġi kollox fil-perspettiva tal-problema. Għax kulħadd jikteb u jippostja videos li se jagħti s-soluzzjonijiet, li għandu xi bakketta maġika u mil-lum għal għada se jsolvi kollox, meta l-isfida hija ferm aktar kumplessa.
Dawn il-materji li semmejt huma ftit ferm minn qafas sħiħ ta’ sfidi, li ma jistgħux jiġu indirizzati f’iżolament. Ir-Reġjuni u l-Kunsilli Lokali għandhom sfidi oħrajn ukoll. U ma nistgħux inħallu milli nindirizzaw dawn l-isfidi flimkien biex imbagħad ngħidu s-sistema falliet. Ilkoll nafu x’hemm bżonn isir u kif irid isir. U min juża din l-isfida nazzjonali bħala ballun politiku jkun qed jagħmel disservizz lilu nnifsu, lill-Kunsilli u l-pajjiż b’mod ġenerali. Din mhix materja ta’ gvern jew ieħor. Din hija materja li fiha jrid ikollna lil kulħadd ‘onboard’. Huwa meta nirrisolvu dawn il-problemi nistgħu nħarsu lejn piżijiet addizzjonali, bħal ġbir tal-iskart mal-lejl. Imma anki din, hija materja li trid tiġi diskussa separatament. Ix-xogħol li sar biex stabbilixxejna skeda nazzjonali, ma kienx ftit u qabel nerġgħu nibdlu l-ħinijiet u ġranet huwa imperattiv li l-ewwel naċċertaw li bidla b’din mhux se ġġib magħha problemi ġodda.
L-isfida hija kbira imma soluzzjonijiet hemm… u dawn irridu naħdmu fuqhom flimkien.