Saturday, October 26, 2024

L-iskandlu ta’ korruzzjoni fil-Parlament Ewropew

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Bħalissa, il-Parlament Ewropew għaddej minn żmien iebes ħafna. Dan wara li faqqa’ skandlu mingħajr preċedent fejn diversi nies assoċjati ma’ dan il-parlament spiċċaw arrestati fuq akkużi ta’ tixħim. Sezzjoni tal-midja internazzjonali qiegħda tgħid li direttament involut f’dan l-iskandlu hemm il-Qatar, pajjiż li bħalissa qiegħed fuq fomm kulħadd minħabba li qiegħda ssir it-Tazza tad-Dinja tal- futbol ġewwa fih.

L-iskandlu

Sitt persuni ġew arrestati mill-pulizija Belġjana wara  investigazzjoni li jingħad li kienet ilha għaddejja madwar sena. Il-pulizija qieghda takkuża  erbgħa minn dawn is-sitt persuni li pparteċipaw f’organizzazzjoni kriminali li kellha l-iskop li taħsel il-flus u li tieħu flejjes bħala tixħim mingħand terzi persuni. It-tnejn l-oħra jidher li nħelsu mill-arrest. Il-pulizija Belġjana wriet lill-midja filmati li juru bagalji mimlijin flus kontanti li nsabu ġewwa propjetajiet assoċjati ma’ dawn l-erba’ akkużati li b’ kollox jammontaw għal xejn inqas minn €1.5 miljun.

Tlieta minn dawn il-persuni huma Taljani. Wieħed minnhom huwa Pier Antonio Panzeri, li kien serva bħala membru parlamentari fi ħdan l-istess parlament u li bħalissa huwa ċ-chairman ta’ grupp li jiddefendi d-drittijiet tal-bniedem. Akkużat ieħor huwa Niccolo’ Figa-Talamanca li wkoll huwa attiv fi ħdan NGO assoċjat mal-Parlament Ewropew. It-tielet akkużat huwa Francesco Giorgi li bħalissa huwa assistent fil-parlament ewropew u fil-passat kien ħadem taħt l-istess Panzeri. Biss, l-arrest ta’ dan Giorgi għamel ħafna aktar ħoss għaliex huwa l-partner tal-aktar akkużata li għandha kariga għolja fi ħdan l-Parlament Ewropew. Din hija Eva Kaili, membru parlamentari Ewropew fil-Grupp tas-Soċjalisti Demokratiċi u li qabel dan l-iskandlu kienet ukoll waħda mill 14-il viċi president tal- istess parlament.

Min hi Eva Kaili?

Eva Kaili hija politikanta Griega li llum għandha 44 sena. Minħabba d-dehra tagħha li wieħed faċilment jista’ jqabbilha ma’ dik ta’ xi supermodel, kif ukoll minħabba l-kariżma li għandha, sa ftit qabel faqqa’ dan l-iskandlu kienet waħda mill-aktar politiċi magħrufa ġewwa l-Parlament Ewropew minħabba li ħafna drabi, il-grupp tas-Soċjalisti Demokratiċi u Liberali kien jibgħata spiss quddiem il- midja sabiex jieħu vantaġġ mill-immagini kif ukoll id-doti oratorjali tagħha. Kien għalhekk li dan l- aħħar hija ġiet maħtura bħala Viċi President tal-Parlament Ewropej.

Niccolo’ Figa-Talamanca

Kaili, li hija perita kif ukoll gradwata fl-Istudji tal-Politika Ewropea, bdiet il- karriera politika tagħha ta’ 14-il sena meta ssieħbet mal-Partit Soċjalista Grieg, il-PASOK. Wara li għamlet xi żmien taħdem bħala ġurnalista televiżiva, fl-2007, ġiet eletta għall-ewwel darba fil-parlament Grieg. Biss, Kaili saret popolari mal-votanti Griegi wara li fl-2011 kellha l-kuraġġ li tieqaf lil George Papandreou, il-mexxej tal-partit tagħha stess u l-Prim Ministru Grieg ta’ dik il-ħabta, minħabba l-mod diżastruż ta’ kif kien mexxa l-finanzi ta’ pajjiżu li eventwalment kien irriżulta fil-famużi bailouts li kienet għaddiet minnhom il-Greċja. Eventwalment, Eva Kaili rranġat id-differenzi ma’ Papandreou u fl-2014 ġiet eletta fil-Parlament Ewropew fi ħdan il-Grupp tas-Soċjalisti Demokratiċi. F’Jannar ta’ din is- sena, ġiet maħtura bħala waħda mill-Vici Presidenti tal-Parlament Ewropew b’wieħed mill-aktar dekasteri importanti u impenjattivi li hemm, jiġifieri dak li jittratta l-aġenda diġitali li tant ilha timbotta l- Unjoni Ewropea u li fost affarijiet oħra jinkludi l-intelliġenza artifiċjali u l-blockchain, b’salarju li b’ kollox jaqbeż il-€150,000 fis-sena.

Assocjazzjonijiet ‘importanti’

Pier Antonio Panzeri

Matul il-karriera tagħha ġewwa l-Ewropa, Kaili kienet ipparteċipat ġewwa diversi kumitati importanti, fosthom dak li jieħu ħsieb ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi tal-Golf Gharbi li jinkludu naturalment pajjiżi sinjuri bħall-Emirati Għarab Magħquda u l-istess Qatar. Fil-fatt, matul dawn l-aħħar snin, Kaili u s-sieħeb tagħha kemm-il darba żaru l-Qatar u saħansitra, l-istess Kaili kemm-il darba ddefendiet lil dan il-pajjiż ġewwa l-Parlament Ewropew meta dan kien qiegħed jiġi kkritikat fuq il-mod ta’ kif jitratta lill-ħaddiema barranin waqt il-bini tal-infrastruttura għat-Tazza tad-Dinja u fuq in-nuqqas ta’ tolleranza għall-persuni LGBTIQ. Fil-fatt, Kaili saħansitra waslet sabiex għajret lill-kritiċi ta’ dan il-pajjiż li qegħdin jiddiskriminaw lill-poplu tal-Qatar minħabba r-razza u r- reliġjon.

Tixħim?

Skond diversi rapporti fuq il-midja internazzjonali, ġewwa waħda mill-proprjetajiet ta’ Kaili li tinsab ġewwa Brussell, il-pulizija sabu s-somma ta’ €150,000 fi flus kontanti. Dan wassal sabiex il-Parlament Ewropew seta’ jneħħi l-immunità parlamentari ta’ Eva Kaili u seta’ jivvota sabiex din eventwalment tneħħiet mill-kariga ta’ Viċi President, b’vot kważi unanimu. Hija ġiet ukoll sospiża mill-Grupp tas- Soċjalisti Demokratiċi kif ukoll mill-PASOK. Kaili kellha l-assi tagħha u ta’ membri tal-familja tagħha ffriżati u bħalissa qiegħda tinżamm arrestata. 

Francesco Giorgi

Għalkemm il-Qatar diġà ċaħad kemm-il darba li huwa xaħħam lil xi ħadd ġewwa Brussell, il-midja internazzjonali qiegħda tinsisti li dan il-pajjiż kien qiegħed jgħaddi flejjes kbar lil Kaili u lill-akkużati l-oħra sabiex dawn jgħinu biex taddi  liġi li tippermetti liċ-ċittadini tal-Qatar li jidħlu ġewwa l- Ewropa mingħajr Visa.

Tinżillu għasel

Ftit sigħat wara li faqqa’ dan l-iskandu, Victor Orban, il-Prim Ministru Ungeriż, li kif rajna f’artikli preċedenti ġewwa din il-paġna spiss ikollu battibekki mal-Unjoni Ewropea, beda jattakka u jwaqqa’ għaż-żufjett il-kredibbilità tal-Unjoni Ewropea.

Minkejja li Orban forsi għandu aġendi oħra, hija ħaġa mill-aktar ovvja li dan l-iskandlu ta daqqa kbira ħafna lill-kredibbilità tal- Unjoni Ewropea. Sadanittant, sezzjoni tal-midja internazzjonali qiegħda tgħid li fil-kurituri tal-Parlament Ewropew qiegħed jingħad li dan l-iskandlu sejjer jinfirex u sejrin jitressqu għexieren jekk mhux mijiet ta’ persuna oħra l-qorti.

Sport