Sunday, September 7, 2025

L-ISKANDLU TAL-400 ĊERTIFIKATI ŻBALJATI… “XOKKANTI”

L-eks President tal-MUT Bencini: “Ma tantx inniżżilha li kien żball ġenwin” … Il-President attwali Bonnici: “It-tort kollu tal-Università”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Għalija din hija aħbar xokkanti minkejja li għaddew bosta snin. Bilfors li xi ħadd tkellem u allura l-Ombudsman għamel ir-riċerki tiegħu. Bħala President tal-MUT, ovvajment, dak iż-żmien ma kont naf b’xejn b’dan l-iskandlu. Ma tantx innizzilha li kien xi żball ġenwin meta qegħdin nitkellmu dwar 400 ċertifikati żbaljati għal studenti li kienu fil-kors ta’ taħriġ għall-għalliema fejn tniżżel li waslu sal-grad MQF7 minflok MQF6”.

Hekk qal lil IT-TORĊA l-eks President tal-Malta Union of Teachers (MUT), John Bencini, li kien fit-tmun tal-akbar unjin lokali li tirrappreżenta lill-għalliema fil-pajjiż. Fit-tmexxija tal-MUT illum il-ġurnata hemm Marco Bonnici li mingħajr kantunieri qalilna li, “it-tort ta’ dan kollu għandha terfgħu l-Università u ħadd aktar”.

Skandlu moħbi għal snin sħaħ

Ġimgħa wara oħra dan il-ġurnal qajjem għarfien dwar l-iskandlu lil seħħ bejn l-2010 u l-2013  taħt amministrazzjoni Nazzjonalista. Dan l-iskandlu taħt il-kappa ta’ “żball fid-dokumentazzjoni” laqgħat negattivament xejn inqas minn 400 studenti li kienu fil-kors tal-għalliema. 

Għal snin sħaħ dawn ħasbu u mxew fil-karriera tagħhom bi kwalifika f’livell ta’ Masters MQF7 meta, fil-verità, il-kwalifika proprja li kisby kienet ta’ MQF6, jiġifieri grad inqas. 

Sirna nafu b’dan l-iskandlu li baqa’ moħbi sa ftit tal-ġimgħat ilu, grazzi għal investigazzjoni li saret mill-uffiċċju tal-Ombudsman. Bil-għan li joħorġu aktar fatti u tittieħed azzjoni xierqa ir-rigward, f’dawn il-ġimgħat IT-TORĊA għamlet diversi tentattivi ħalli naraw min se jġorr din ir-responsabbiltà u jekk l-Università ta’ Malta hiex se toħroġ apoloġija uffiċjali. Tlabna kummenti anke lir-Rettur ta’ dak iż-żmien u lill-Università stess iżda, is-skiet baqa’ jipprevali. Dan bħallikieku jekk ma nitkellmux, il-kwistjoni mhiex hemm jew se tmur waħidha. 

Kienet, għadha u se tibqa’ hemm…

Imma l-kwistjoni kienet, għadha u se tibqa’ hemm. L-istudenti milquta huma mweġġa’ u l-fiduċja fuq l-ogħla istituzzjoni ta’ Malta majniet. Is-soluzzjoni mogħtija għall-400 għalliema migduma hija biss ta’ “top up programm”. Jiġifieri dawn, ta’ bilfors, iridu jerġgħu jgħoddsu rashom fil-kotba u jistudjaw aktar biex finalment jiġu ċċertifikati fil-livell post gradwatorju li mingħalihom diġà kellhom. 

Aktar minnhekk, b’dan l-iskandlu u mhux biss, il-poplu Malti reġa’ għandu konferma qawwija kemm Gvern Nazzjonalista mhuwiex affidabbli u għaldaqstant, mhuwiex gvern alternattiv għall-pajjiż.

Min-naħa tiegħu Bencini assigurna li kieku l-MUT dak iż-żmien kienet saret taf x’kien ġara, kieku immedjatament isejjaħ Kunsill. “L-MUT żgur li kienet titlob li ssir inkjesta dwar dan kollu, inkjesta li issa għandha ssir mill-Università minkejja li għaddew tant snin. Jien konvint li l-MUT illum mhux se tħalli dawn l-affarijiet jgħaddu daqs li kieku ma ġara xejn,” issokta l-eks President tal-MUT, John Bencini.

“L-għalliema m’għandhomx tort”

Fir-rigward, il-President Bonnici beda biex ikkjarifika li l-MUT segwiet ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju għall-Edukazzjoni u r-reazzjoni tal-Università ta’ Malta. Spjega però li, “huwa ċar u ma ġiex miċħud, li l-Università għamlet żball meta ħarġet numru ta’ ċertifikati fuq livell ogħla milli suppost. Dan meta l-PGCE sa mill-bidunett kienet kwalifika fuq livell sitta. It-tort ta’ dan kollu għandha terfgħu l-Università u ħadd aktar”.

Il-President tal-MUT saħaq li żgur li l-għalliema li għandhom kwalifika li nħarġet fuq livell u mhux fuq ieħor, m’għandhonx tort. “Il-livell rikjest biex jgħallmu laħquh, bħalma laħqu kull għalliem li kellu l-istess kwalifika tal-PGCE qabilhom u warajhom,” issokta Marco Bonnici.

S’issa dwar dan l-iskandlu ħadd għadu ma ħa jew intalab li jieħu r-responsabbiltà, l-Università baqgħet tirrifjuta li toħroġ apoloġija uffiċjali fejn esprimiet biss “rimors” u l-PN baqa’ sieket. Aħna, però, m’aħniex se nieqfu hawn.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport