Wara laqgħa li saret illum fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport, il-Grupp ta’ Ħidma wasal għal ftehim li l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi se jiftħu l-bibien tagħhom għat-tieni term skolastiku b’mod online fid-data rispettiva tagħhom u fiżikament fuq il-bankijiet tal-iskola mill-10 ta’ Jannar. Ic-childcare centres se jiftħu wkoll fl-istess jum.
Il-Grupp ta’ Ħidma wasal ukoll għal ftehim li s-sitwazzjoni fl-iskejjel u fil-klassijiet se tibqa’ tiġi evalwata minn jum għal ieħor skond il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Dan il-grupp, li twaqqaf hekk kif feġġet il-pandemija, huwa magħmul minn rappreżentanti mit-tliet setturi edukattivi: l-istat, il-knisja u l-iskejjel indipendenti, flimkien mal-Malta Union of Teachers (MUT) u l-awtoritajiet tas-saħħa.
F’laqgħa oħra li saret illum ukoll mar-Rettur u rappreżentanti oħra tal-Università ta’ Malta flimkien mal-UMASA, ġie maqbul li l-Università tiftaħ il-bibien tagħha b’mod normali għas-sessjonijiet tat-tagħlim prattiku fit-3 ta’ Jannar. Mill-10 ta’ Jannar, it-tagħlim se jkun b’mod fiżiku jew online skont id-diskrezzjoni tal-fakultajiet rispettivi.
L-eżamijiet fl-Università huma ppjanati li jsiru kif diġà stabbilit. Fil-każ ta’ studenti li jinqabdu b’każ mediku relatat mal-COVID, dawn se jingħataw l-opportunità li jiġu assessjati f’temp ta’ ftit ġimgħat wara, minflok f’Settembru.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima jirringrazzja lil dawk kollha li llum kienu involuti f’dawn il-laqgħat kordjali, kif ukoll jirringrazzja lill-edukaturi għall-impenn, id-dedikazzjoni u x-xogħol fil-missjoni tagħhom għall-ġid tal-istudenti kollha.