Bil-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa għall-ftuħ tas-sena skolastika 2021-2022 kollha f’posthom, iċċertifikati wkoll minn assessuri indipendenti li tqabbdu mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-iskejjel tal-Istat kollha jinsabu lesti biex nhar l-Erbgħa li ġej jiftħu l-bibien tagħhom għall-istudenti. Dan wara li nhar it-Tnejn jidħlu l-edukaturi kollha fl-iskejjel kollha, ilkoll ippreparati biex jilqgħu eluf ta’ studenti ħalli tingħata bidu għas-sena skolastika ġdida.
Ir-riformi fil-protokolli għal din is-sena jirriflettu l-fatt pożittiv li l-edukaturi u dawk kollha li għandhom konnessjoni ma’ uliedna fl-iskejjel fil-maġġoranza ħadu t-tilqim, kif ukoll li aktar minn 85% tal-istudenti li għandhom minn 16-il sena ‘l fuq u 73% tal-istudenti bejn it-12 u l-15-il sena wkoll ħadu t-tilqim. B’hekk għal din is-sena setgħu jiġu rrilaxxati aktar miżuri marbuta mal-iskejjel.
Bħala prevenzjoni, qed tinżamm distanza stipulata bejn l-istudenti kif ukoll bejn l-istudenti u l-għalliema, kif imħabbar aktar kmieni dan ix-xahar. Għalhekk din is-sena wkoll infetħu klassijiet addizzjonali biex ikun hemm klassijiet fl-iskejjel għat-tfal kollha u dawn jingħataw it-tagħlim mill-għalliema fil-klassi. Infetħu 109 klassi addizzjonali minħabba d-distanza, jiġifieri 23 klassi addizzjonali aktar mis-sena skolastika li għaddiet.
Se jinfetħu wkoll 22 klassi ġdida oħra li hemm bżonn minħabba numru akbar ta’ studenti rreġistrati għal din is-sena skolastika. Dan ifisser li se jinfetħu 131 klassi oħra għas-sena skolastika l-ġdida.
“Infakkar li f’April li għadda nħarġet sejħa għall-ingaġġ ta’ għalliema regolari u supply teachers, li għadha miftuħa. B’hekk qed inlaqqgħu l-bord tal-għażla kull meta jkun hemm applikazzjoni li tiġi pproċessata minnufih. Kull applikazzjoni li tkun suċċess tkun ipproċessata u jsir l-ingaġġ”, spjegat il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana.
Minħabba l-ammont ta’ klassijiet li nfetħu, din is-sena kien hemm il-ħtieġa ta’ 82 għalliem tal-primarja li qegħdin fis-servizz peripatetiku biex flimkien mat-22 oħra li wrew interess, jingħataw klassi biex jgħallmu matul din is-sena skolastika, kif sar is-sena li għaddiet. B’hekk, il-bqija mill-459 għalliem peripatetiċi li joffru s-servizzi fil-primarja se jibqgħu jagħtu s-servizzi tagħhom fl-iskejjel.
“Is-servizz tal-għalliema peripatetiċi qatt ma kellna l-ħsieb li nwaqqfuh, la b’mod temporanju u lanqas b’mod sħiħ”, iċċarat il-Ministru Caruana.
Irid jingħad li t-82 għalliem huma kkwalifikati fil-pedagoġija tal-primarja u li dawk il-lezzjonijiet li kienu jagħtu fis-suġġetti partikolari se jibqgħu jingħataw b’mod alternattiv – b’hekk l-istudenti mhuma se jiċċaħħdu mill-ebda servizz.
Matul is-sajf kien għaddej ukoll programm sħiħ ta’ manutenzjoni u tisbiħ fl-iskejjel kollha madwar Malta u Għawdex, biex dawn jilqgħu lill-istudenti u lill-edukaturi f’ambjent xieraq għat-tagħlim edukattiv. Dan il-programm jikkumplimenta l-proġetti ta’ bini, estensjonijiet u wkoll irranġar ta’ skejjel li għaddej, b’investiment fl-infrastruttura edukattiva permezz tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada ta’ €35 miljun f’Għawdex u €50 miljun f’Malta.
Il-Ministru Justyne Caruana tirringrazzja lill-edukaturi kollha li kemm waqt is-sena skolastika li għaddiet u wkoll għas-sena skolastika li se tibda nhar l-Erbgħa, għarfu ċ-ċirkostanzi straordinarji u wrew determinazzjoni u dedikazzjoni biex tingħata l-aqwa edukazzjoni li tista’ tingħata – fl-iskejjel u fl-istituzzjonijiet edukattivi tal-pajjiż.