Thursday, March 28, 2024

L-iskema tal-Equity Sharing estiża għal dawk ‘il fuq minn 30 sena

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ħabbar li ġiet estiża l-iskema tal-Equity Sharing għal dawk ‘il fuq minn 30 sena. 

Din l-iskema, li bdiet fl-2019, kienet inizjalment miftuħa għal persuni b’ammont ta’ assi limitati u li għandhom minn 40 sena ‘l fuq. L-istess skema tat lok biex il-Gvern permezz tal-Awtorità tad-Djar jidħol sħab fix-xiri max-xerrej. 

Il-Gvern jidħol sa massimu ta’ nofs il-valur. Dan ifisser li għexieren ta’ familji li kienu f’din is-sitwazzjoni minflok ma baqgħu kostretti li jikru saru wkoll sidien ta’ darhom.

“Wara li ħassejna u fhimna qed nerġgħu naġixxu. Kif tħabbar fil-budget għal din is-sena wasalna biex minn issa nimplimentaw din il-miżura. Qed nestendu l-iskema tal-Equity Sharing għall-persuni li għandhom minn 30 sena ‘l fuq.

“Dan se jkompli joffri għażla adegwata imma fuq kollox affordabbli lil aktar żgħażagħ u familji fostna li jonqoshom ftit għajnuna biex ikomplu jibnu l-futur tagħhom fi stabbilità,” qal il-Ministru Galdes. 

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid Mckay stqarr li s-sena 2022 se tkun is-sena tal-housing affordabbli. Qal li f’din is-sena se jkunu varati kullana ta’ inizjattivi, ideat u miżuri biex tkun indirizzata l-isfida tal-affordabilità.

“Qed inkomplu nwessgħu l-Equity Sharing. Skema li llum ir-riżultati juruna li kienet waħda ta’ suċċess,” tenna l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar. 

“Fl-aħħar sentejn kien hemm aktar minn 150 applikant li jew iffirmaw kuntratt jew konvenju. Għandna 80 oħra li l-applikazzjoni tagħhom ġiet aċċettata u qegħdin fil-proċess li jfittxu proprjetà. L-età medja tal-applikanti tal-Equity Sharing tal-2019 kienet 47 sena. Il-prezz medju tal-proprjetà mixtrija kien ta’ €175,000,” kompla jispjega s-Sur McKay.

Il-kriterji għal din l-iskema se jibqgħu kif inhuma ħlief għall-età li se tinżel għal 30 sena u l-ammont ta’ dħul tal-persuni li jistgħu japplikaw għaliha.

Dan ifisser li l-valur tal-proprjetà se jibqa’ sa massimu ta’ €200,000 fi stadju finished, se jibqa’ jintalab l-10% depożitu, li l-Awtorità ma toħroġx aktar minn nofs tal-prezz tal-proprjetà u li s-sehem tal-Awtorità mill-applikant se jibqa’ li jrid jinxtara fi żmien 20 sena. 

Is-Sur McKay qal li d-dħul ta’ dawk li għandhom bejn it-30 u l-34 sena ma jridx jeċċedi l-€25,000, dawk bejn il-35 u l-40 sena d-dħul tagħhom ma jeċċedix it-€30,000 u dawk minn 40 sena ‘l fuq se jinżamm l-istess ammont ta’ €40,000.

Ekonomija

Sport