F’messaġġ li tella’ fuq il-midja soċjali Lelio Spiteri, Kap tal-Iskola “The Happy School” tar-Rabat Għawdex kiteb li l-iskola mhix il-ġebel, imma n-nies li jgħixu fiha.
Fit-tieni jum li l-għalliem daħlu mill-ġdid fl-iskejjel, Spiteri tkellem dwar l-uffiċju tas-Surmat fejn qal li meta kont żgħir, kont nitwerwer mill-uffiċċju tal-Kap tal-Iskola. Meta jien bdejt immexxi skola ħdax-il sena ilu, ħlift li din l-attitudni jeħtieġ tinbidel. Il-bieb tal-uffiċċju tiegħi dejjem issibu miftuħ, ħlief meta jkolli laqgħa ma’ persuna jew persuni.
“Il-membri tal-istaff jistgħu jiġu fi xħin iridu. It-tfal l-istess. Ħafna minnhom bil-kemm iħabbtu għax jafu li jien mhux ser nibgħathom ‘l hemm. L-istudenti l-kbar kull filgħodu jidħlu, anke jekk ma nkunx hemm jien, jiftħu l-kxaxen fejn hemm il-bnadar, il-mikrofonu u l-pendrive biex jippreparaw huma għall-assemblea ta’ filgħodu.
“L-uffiċċju mhux it-territorju tas-surmast imma huwa post fejn bil-għajnuna ta’ kulħadd, edukaturi, ħaddiema, ġenituri u tfal, jittieħdu d-deċiżjonijiet għall-ġid tal-iskola.:
Mal-kitba tella’ ritratt (li qed nippubblikaw hawn ukoll) fejn Spiteri qal li “fir-ritratt jidher l-uffiċċju mżejjen mill-edukaturi tan-Nurture Class fil-bidu ta’ sena skolastika oħra, vjaġġ ieħor eċitanti fejn it-tagħlim u l-ferħ jitwaħħdu f’esperjenza unika għal uliedna.”