Friday, April 26, 2024

Mix-xahar id-dieħel tista’ titlaqqam kontra l-influwenza u l-varjant tal-Covid-19

Aqra wkoll

Mid-9 t’Ottubru li ġej se tibda tingħata t-tilqima tal-influwenza fiċ-ċentri tas-saħħa lil dawk il-persuni meqjusa vulnerabbli; jiġifieri persuni li għandhom ‘il fuq minn 55 sena, persuni li jbatu minn mard kroniku, persuni li jgħixu f’istituzzjonijiet, nisa tqal, u l-healthcare workers minħabba li huma suxxettibbli li jiltaqgħu mal-influwenza.

Tajjeb li nfakkru li t-tilqim huwa bla ħlas u m’hemmx għalfejn isir xi tip ta’ buking.

Mill-ġimgħa ta’ wara, is-16 ta’ Ottubru, tinfetaħ għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kollha. Minn din id-data, se tibda tingħata wkoll fil-kunsilli lokali u mit-tobba.

Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet.

Huwa spjega li s-sena l-oħra ngħataw iktar minn 90,000 tilqima u li din is-sena ġew ordnati madwar 115,000-120,000 tilqima. Dan filwaqt li mit-22 t’Ottubru li ġej, it-tfal se jingħataw it-tilqima kontra l-influwenza permezz ta’ nasal spray minflok bil-labra.

Fearne qal ukoll li flimkien mat-tilqima tal-influwenza se tkun offruta wkoll il-booster kontra l-varjant XBB u li kull min jeħodha se jkun iktar protett kontra l-varjanti tal-Covid-19. Għaldaqstant, il-pubbliku jista’ jagħżel li jeħodha fl-istess jum mat-tilqima tal-influwenza f’id differenti, jew inkella jista’ jeħodhom separati bi spazju ta’ ġimagħtejn bejn tilqima u oħra.

Għalkemm il-Covid-19 m’għadhiex pandemika, Fearne fisser li ta’ kull sena, l-istess bħall-influwenza jkun hemm każijiet għadd ta’ każijiet, speċjalment fix-xitwa. Għaldaqstant huwa ħeġġeġ lill-pubbliku biex jitlaqqam kontra dan il-mard.

Il-ħinijiet u l-postijiet fejn se jkun qed jiġi amministrat it-tilqim se jitħabbru iżjed ‘il quddiem.

Sport